L-EWTANAŻJA – taħdita minn Fr. Chris Caruana – 2 ta’ Diċembru 2016
X’inhi l-ewtanażja? L-ewtanażja hi meta persuna tiddeċiedi li ttemm ħajjitha, jew dik ta’ ħaddieħor, minħabba diversi raġunijiet, bħal mard terminali, s-sofferenzi li jġib miegħu, etċ. Fil-fatt, hawn ħafna istituzzjonijiet, bħal fl-Isvizzera, l-Belġju u l-Olanda, li jamministraw l-ewtanażja. Hemm il-“physician assisted” ewtanażja, meta t-tobba jħejju taħlita ta’ mediċina letali biex il-pazjent jeħodha u jmut, u hemm l-ewtanażja diretta, meta tiġi amministrata mit-tobba nfushom. Fiż-żewġ każi, dan huwa qtil.
Irridu naraw dan kollu fi sfond nisrani. Jista’ jkun li ngħidu “Imma jaħasra, għalfejn tħallih ibati?” Hemm bżonn li, bħala nsara, niżviluppaw ċerti prinċipji:
- Il-ħajja hi prerogattiva t’Alla. Ħajti mhix tiegħi. Hi don t’Alla. Alla biss jista’ jagħti l-ħajja u Alla biss jista’ jeħodha. Din tmur kontra l-idejat li żviluppaw f’dawn l-aħħar 40 sena fl-Ewropa u l-Amerika – li ħajti hi tiegħi u nagħmel biha dak li rrid. Dan huwa abbuż tal-liberta’ u għalhekk huwa dnub. Alla ħalaqna Hu u rridu nagħtu kont Lilu.
- It-tbatija tagħmel sens. It-tbatija ma ħalaqiex Alla. Aħna ma narawx skop fiha. Hu tajjeb li l-kamp mediku, l-istat, etc, jagħmlu ħilithom biex ifejjqu l-mard u jtaffu t-tbatija. Quddiem is-salib ta’ Kristu, t-tbatija tagħmel sens. Alla għadda Hu stess mit-tbatija. It-tbatija tagħmel sens biss ghax Kristu għadda minna. Meta jien ngħaqqad is-sofferenzi tiegħi ma’ dawk ta’ Ġesu’, allura t-tbatija tiegħi issir redemptiva – hi stess issalvani. Hekk it-tbatija ma tibqgħax assurdita’ li tipprova tkissirni u tiddisprani. Dan hu l-iskop tax-xitan – li jisfiduċjani minn Alla, ma nibqgħax nafda fil-volonta’ Tiegħu. Alla għalhekk għażel li jsalvana bit-tbatija u l-mewt. Ix-xitan anke lil Ġesu’ ttanta fid-deżert u permezz tal-Lhud u l-ħalliel il-ħażin fuq is-salib. Bħal ma qal San Pawl “Jien intemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu fuq is-salib għal ġisem Tiegħu il-Knisja.” It-tbatija fiha sens anke fin-natura: biex twelled, biex titħarreġ f’xi sport, biex titgħallem iddoqq strument, etc. Xejn ma jsir mingħajr sagrifiċċju.
- Il-valur tal-ħajja ma jiddipendix mill-kwalita’ tagħha. Ma jfissirx li għandha inqas valur minħabba difetti fiżiċi jew mentali, jew livell soċjali, jew faqar. Aħna forsi nirraġunaw: “għax jien ma rridx nara lil ħaddieħor ibati minħabba fija.” Din it-tbatija ta’ dak li jieħu ħsiebu ma ħoloqiex il-marid. Dik hi l-ħajja – li niddependu minn ħaddieħor. Dik hi l-vulnerabbilta’ umana u d-djufija tagħna. Hu sinjal ta’ umilta’. B’hekk it-tbatija qed tagħti opportunita’ lil ħaddieħor biex iħobbok, biex jagħmel karita’, biex anke hu jiltaqa’ ma’ Kristu fit-tbatija tiegħek. Ħaddieħor għandu l-possibilta’ li jeżerċita l-virtujiet insara billi jdur bik.
L-ewtanażja hi ħażina għax il-valur tal-ħajja umana hu invijolabbli – ma nistgħax nimminaċċja l-ħajja, ma nista’ nagħmel xejn biex innaqqas jew intemm il-ħajja. Ħadd m’għandu d-dritt li jwaqqaf il-ħajja – la tiegħu u lanqas tal-oħrajn.
Hemm ukoll l-integrita’ tal-professjoni medika. It-tabib għandu ġurament li jgħin u jgħati s-saħħa, mhux biex inehhi l-ħajja.
L-istat għandu jiffoka iktar fuq il-kura palliattiva – tnaqqas kemm jista’ jkun it-tbatija u l-miżerja. Hemm differenza bejn l-intenzjoni li toqtol, u l-intenzjoni li ttaffi l-uġiegħ. Kultant il-kura palliattiva tħaffef il-mewt ukoll, bħal, per eżempju, il-morfina. Qed tieħu azzjoni u għandek diversi konsegwenzi li mhux kollha tkun tridhom – huma “by-product”. Aħna obbligati li nieħdu trattamenti ordinarji biex intejbu ħajjitna. Mhux obbligat tagħti trattament jekk m’hemm l-ebda ċans, bħal min hu “brain dead”, qed jinżamm ħaj artifiċjalment.
Irid ikun hemm aktar rispett lejn min hu anzjan, jew inkompetenti. M’għandhomx jitqisu bħala piż jew skart. Alla jħares lejn kulħadd bħala ibnu jew bintu. Alla l-ikar li jfittex l-iżvantaġġjati.
La darba tħalli daqsxejn ċans għall-ewtanażja, bħal f’każ ta’ canċer terminali, imbagħad tibda ssib elf raġuni għalfejn tagħmel ewtanażja. L-ewtanżja, bħall-abort, saret industrija. Ix-xjenza ghandha l-obbligu li tħares il-ħajja – obbligu lejn l-etika u l-valuri morali.
Ġesu’ stess qalilna “Erfa salibek u imxi warajja.”
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-bniedem beda’ jsir iktar iċ-ċentru ta’ kollox. Il-Knisja tkellmet dwar l-importanza tal-bniedem, mhux bħala assolut, imma bħala l-kapolavur t’Alla. Ġesu’ stess kien japprezza lill-bniedem sħiħ: “Biex nurik li nista’ naħfirlek dnubietek, qed ngħidlek qum u imxi”. Biss iċ-ċentru ta’ kollox jibqa’ dejjem Alla.
F’dan id-dokument il-Knisja titkellem ukoll dwar l-ekonomija, l-iżbilanċ, u l-globalizzzazjoni.
Fl-aħħar tal-laqgħa saret mistoqsija dwar l-evoluzzjoni. Jekk insiru mija fil-mija ċerti minn dan – għax għad hemm il-“missing link” – din m’għandiex tkun ta’ problema, għax huwa Alla li jagħti moħħ intelletwali u r-ruħ. F’kull twelid ta’ bniedem hemm il-nifs t’Alla – ir-ruħ.
Il-laqgħa għalqet bil-kwotazzjoni “Let pleasing God become bigger than pleasing people”