Nagħmlu Għażla – Prayer Cafè – 18 ta’ Novembru 2016
Prayer Café kien ftit differenti mis-soltu, għax sar fil-kafetterija fl-atmosfera tal-Christmas Market. Il-laqgħa ta’ formazzjoni tat-18 ta’ Novembru ġiet immexxija mis-Sur Joe Huber. Dawn huma xi ħsibijiet li qsamna waqt il-laqgħa.
Ġa qegħdin inħejju għall-Milied. Qed nagħmlu festa għax il-Milied jew għax il-Milied qed niċċelebraw? Llum il-ġurnata qegħdin nagħmlu ħafna festi imma probabli aħna l-insara qegħdin ninsew l-iskop ewlieni tal-festa li qegħdin niċċelebraw. Kanzunetta li tfakkar f’dawn il-jiem ta’ ferħ lill-kelliem ta’ din il-ġimgħa s-Sur Joe Huber; tgħid hekk: “Bonjour mon ami, it’s a day for amour, it’s a day you will find the kind of riches, that I’m sure you can’t afford unless you’re poor.” Mehuda mill-film Vagabond King. Il-ferħ veru ta’ Kristu ġej mill-faqar u mill-għera. Il-ħajja materjalista qed tieħu over kull aspett spiritwali mal-festa tal-Milied.
Qed niċċelbraw it-twelid ta’ Ġesu filwaqt li l-vanġelu tal-Ħadd li jmiss (San Luqa 23:35-43) jitkellem dwar il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. X’għandhom x’jaqsmu forsi tistaqsu? Għandhom.. għax kull bidu fih it-tmiem tiegħu u kull tmien kellu l-bidu tiegħu. Il-Ħadd li ġej l-20 ta’ Novembru se niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Re. L-għana ta’ Kristu ġej mill-faqar u mill-għera. Ma ninsewx li anke fuq is-salib Kristu kien umiljat. Fuq l-istampi npenġu lil Kristu Sultan biex xetru u l-kuruna tad-deheb imma dawn huma l-bogħod mir-realta; l-priġunieri dak iż-żmien lanqas ħwejjeġ ma kienu jħallulhom fuqhom.
Hawn inqraw silta mill-Ewwel qari mehud minn 2 Samwel 5:1-3 u l-vanġelu mehud minn Lq 23:35-43. Tidher stramba li biex niċċelebraw ir-rigalita ta’ Kristu l-knisja tippreżentahulna fil-passjoni, anzi fl-aktar mument krudili tagħha, waqt il-mewt.
L-aktar kelma importanti fit-test tal-Vanġelu hi: “Salva” u ssib il-milja tagħha fl-aħħar żewġ sentenzi: is-salvazzjoni tiġi permezz tal-grazzja u kemm aħna lesti li nħalluha fil-wisa ta’ qalbna biex idawwalna.
Kristu hu ħajjitna u s-salvazzjoni tagħna. Hu r-Re ta’ ħajjitna permezz tal-pjagi tiegħu, infatti meta deher lill-Appostli uriehom l-pjagi, u lil San Tumas qegħdlu sebgħu fil-kustat tiegħu biex jemmen li hu kien qam mill-mewt.
Papa Franġisku jgħid ‘Ġesu jidħol għalina quddiem il-Missier billi jurih il-pjagi u jgħidlu; “ dawn soffrejhom minħabba fihom, biex insalvhom!” Ir-regalita ta’ Kristu hi antitesi (il-maqlub) tar-regalita umana, il-maqlub tal-glorja u l-unuri mogħtijin lill-bnedmin li jintemmu bħal kull bniedem ieħor.
Is-salib hu l-maxtura l-ġdida li fiha minflok lil Madonna, lil San Ġużepp, il-baqra u l-ħmara ( L-għar kif nafuh aħna mhu xejn ħlief sentimentaliżmu..propjament l-istalla kienet tinstab taħt il-binja tal-lukanda, post fejn kienu jżommu l-annimali…) hu kien bejn żewġ ħallelin. Wieħed għaraf in-nuqqas tiegħu u nngħaqad ma Kristu filwaqt li l-ieħor qagħad jiddieħek bih.
Anke fil-vanġelu tat-Tlieta li għaddew rajna lil Żakkew. In-nies ta’ madwaru gemgmu meta Ġesu staqsih biex imur għandu imma min jaf kienux iċapċpu; qalilna Papa Franġisku fl-omelija tiegħu; kieku Ġesu lil Żakkew ċanfru għal ħtijietu minflok! F’sitwazzjoni bħal din kif tkun ir-reazzjoni tiegħek? Anke waqt il-kruċifikazzjoni l-poplu kien qiegħed iħares, il-mexxejja kienu qegħdin jiddieħku bih u jisfidawh lil Kristu. Ix-xitan kompla jittantah lil Ġesu fuq is-salib bl-attitudni ta’ min kien qed jiddieħek bih..is-suldati..il-mexxejja..il-ħalliel il-ħażin.. ‘Salva lil ħaddieħor, ħa jsalva lilu nnifsu’. Hawn tidher ir-regalita ta’ Kristu għax juri li ma ġiex fid-dinja biex isalva lilu nnifsu imma biex isalva lilna, lill-bnedmin ta’ kull żmien, billi jingħata mingħajr ma jippretendi xejn lura. Anzi ħalliena liberi ngħażlu aħna stess rridux nwarrbuh, niddieħku bih, ninsulentawh u Hu jibqa’ jiġri warajna għax irid isalvana lkoll. Hu tah lilu nnifsu għal-mewt biex isalvana mingħajr ma ppretenda xejn lura. Il-bniedem juri kemm hu sod u b’saħħtu mhux meta jirreaġixxi għad-deni b’deni, meta jagħmel minn kollox biex isalva ġildu, imma meta d-deni jpattih lura bil-ġid. Ir-retribuzzjoni hi raġunament tal-bniedem, il-maħfra hi kif jirraġuna Alla. Iebsa imma din hi l-verita, il-mod kif jirraġuna Alla. Għalhekk irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu għax hu jqassam id-doni tiegħu skont il-ħtieġa ta’ dak li jkun. Il-veru Nisrani hu dak li jrid isalva ħajjet ħaddieħor mhux dak li jaħseb għal rasu.
Anke s-suldati kienu qed iżebilħuh: Int ir-re tal-Lhud, salva lilek innifsek. .mbagħad sqewh il-ħall u b’hekk seħħet il-profezija tas-Salmista( Salm 69:22) “fil-għatx tiegħi sqewni l-ħall”. L-għatx hawn mhux qiegħed jirreferi biss għal għatx fiziku imma wkoll għal-għatx biex jerbaħ l-erwieħ għalih. Hi l-istqarrija tat-taqtiegħa bejn it-tajjeb u l-ħażen, bejn Alla u d-demonju.
Fuq is-salib Pilatu kiteb ‘Hawn hu s-Sultan tal-Lhud” , fil-fehma tas-sur Joe Huber, Pilatu hawn stqarr il-verita, waqt il-proċess hu kien induna li ma kellhomx fuq xiex jakkużawh u ħasel idejh, u kiteb dak li kiteb biex jiddieħek bil-mexxejja li ġabulu lil Ġesu quddiemu. Sultan li s-saltna tiegħu, kif jgħid San Pawl (1 Kor 23) hi skandlu għal Lhud u blugħa għall-pagani. Is-saltna, ir-regalita ta’ Kristu kienet li jagħmel ir-rieda tal-Missier u jagħti ħajtu għall-bnedmin, jikseb lura dak li l-ewwel Adam tilef għalih u għalina bid-dnub tas-suppervja.
Il-kundanna mdendla mas-saliba’ hi wkoll mod ieħor ta’ żeblih. Il-messaġġ li ttina hu li l-veru saltna mhix ta’ din id-dinja, ir-regalita ta’ Kristu m’għandhiex bżonn xetru u kuruna: “ ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi hu ħelu u t-toqol tiegħi hu ħafif ”. (Mt 11:29-30). Il-messaġġ kien miktub bi tlett lingwi: Bil-Latin – lingwa tal-ħakkiema; bl-Għebrajk – lingwa tal-poplu magħżul; u bil-Grieg il-lingwa tal-intelletwali u tal-pagani. Ix-xetru ta’ Ġesu hu l-imħabba bla tarf li jagħti ħajtu għal kulħadd, anki għal min jiċħdu.
Fiż-żewġ ħallelin naraw ir-reazzjoni tagħna. Wieħed għażel li jidgħi u jżeblaħ lil Ġesu; kien jimpurtah li jsalva ġildu u hekk għażel il-mewt…(kemm tgħodd għal mudell tas-soċjeta li qed ngħixu fiha – l-egoiżmu ta’ min idawwar wiċċu n-naħa l-oħra u jagħmel bħat-tlett xadini!) wiċċ imb’wiċċ mal-mewt baqa jiddieħek bil-pjan tas-salvazzjoni t’Alla. Mbagħad nsibu l-ħalliel Diżma, li jaqbad it-triq tas-salvazzjoni, jaqsam il-kundanna ma’ Ġesu – “aħna qed nieħdu dak li ħaqqna” . Diżma aċċetta l-pjan salvifiku ta’ Alla u fl-imsallab għaraf l-Iben t’Alla. U aħna? Liema messaġġ qiegħed jaddielna s-salib? Nifirħu għax dalwaqt niċċelebraw it-twelid u miegħu l-ferħ? Jew it-twelid ifisser ukoll li ladarba hemm bidu hemm ukoll it-tmiem? F’dan naraw il-kobor t’Alla. Bagħat lil Ibnu biex ikun eżatt bħalna, ikollu tmiem fuq din l-art biex jidħol għal dejjem fis-saltna. Din hi t-tama tagħna, aħna ngħixu biha.
L-aħħar żewġ sentenzi tal-vanġelu huma l-faraġ kbir tagħna. Hi l-indiema li tressaqna lejn Alla mhux is-suppervja, il-pretensjoni. It-talba tal-umli tiġi milqugħa bħalma ntlaqgħet it-talba tal-ħalliel it-tajjeb. Min hu niedem se jkun miegħu, ma’ Kristu fis-Saltna ta’ dejjem. Rridu nagħmlu għażla – m’hemmx triq tan-nofs. L-għażla f’idejna.
Il-laqgħa ntemmet bit-talba tal-Missierna.