Qed nifhmuH? – Prayer Cafè – 19 ta’ Frar 2016
Għaliex Kristu ttrasfigura ruħu? Biex nifmhu dan l-ewwel irridu nifmhu il-kuntest li dan l-episodju seħħ fih. Ftit qabel Ġesù saqsa lill-Appostli:
“Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Mt 16:13-16
Ġesù jgħidlu:
“Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex.” Mt 16:18
Ftit wara Ġesù jħabbar il-mewt tiegħu u Pietru qallu:
“Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” Mt 16:22
Ġesu jgħidlu:
“Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!” Mt 16:23
Dan iffisser li Pietru ma kienx fehem il-pjan ta’ Alla. Dawk li segwew lill-Ġesù kien qed jistennew Messija gwerrier. It-Trasfigurazzjoni ġiet f’dan il-kuntest. L-appostli kienu mħawdin. Mingħalihom kienu qed isseqgwu messija gwerrier u Ġesù qed jippreżentalhom Messija qaddej: Messija li se jmut. Hawnhekk naraw li ma kienu qed jifmhu xejn. Allura t-trasfigurazzjoni kienet oportunità oħra biex l-appostli jifmhu Hu min kien u x’ġie jagħmel fid-dinja.
F’din is-silta naraw kif Ġesù: tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. Tajjeb li naħsbu fuq dan sew għax meta nitolbu u nkunu fil-preżenza t’Alla, aħna nistgħu ninbiddlu għat-tajjeb.
Hawnhekk naraw ukoll kif Ġesù qed juri d-divinità tiegħu lill-Appostli. Jidhru miegħu ukoll Mosé u Elija. Dawn qed jirappeżentaw il-Liġi u l-Profeti.
Il-Papa Franġisku fid-diskors li għamel fl-egħluq tal-ħajja konsagrata qal li l-liġi hija r-regola, u l-profezija hija l-missjoni. Kultant aħna nimxu iktar mar-regola, u r-regola toħnoq il-missjoni. Ma jfissirx li r-regoli huma ħżiena imma r-regoli waħdehom ma jiswew xejn.
Hawnhekk qed naraw Messija tal-liġi u l-profeti; il-Messija qaddej; u dak li qalu l-liġi u l-profeti se jsib l-milja tiegħu fil-qofol tal-Missjoni (il-Qadi) tal-Messija: Ġesù.
Ftit wara Pietru ried jibni tlett tined. Hawnhekk l-evanġelista jgħid li Pietru ma kien fehem xejn. Wara li raw dan kollu xorta ma fehmux.
Aħna wkoll ħafna drabi ma nifmhux min hu l-Mulej. Nfittxuh fil-Glorja mhux fit-Tbatija; kif għamel Pietru meta ċaħdu.
Jiena qed nifhem min hu Ġesù? Qed nifhem x’irrid minni?
Ir-risposta jtihilna l-Vanġelu stess… xħini tiġi s-sħaba u nibżgħu, għandna nisimgħu minn dak li jgħidilna l-Missier:
“Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”
Għandna nieqfu nreddnu, nħarsu lejn il-Mulej u nisimgħu lilu!