Nemmen? – Prayer Cafè – 1 t’April 2016
MA EMMINX – MA NEMMNUX! IT-2 ĦADD TAL-GĦID – 3 T’APRIL 2016
Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Moviment u wara sar il-qari tal-Vanġelu skond San Gwann, Kapitlu 20, versi 19 – 31.
Fil-bidu ta’ dan il-Vangelu, naraw lil Gesu’ jsellem lid-dixxipli tiegħu bil-kliem “Is-sliem għalikom”. Din kienet tislima li kienet tintuża mill-Ebrajki.
X’inhu s-sliem u mnejn jiġi? Ħafna drabi aħna naħsbu li biex ikollna l-paċi ġo fina rridu nsibuha fl-ambjent ta’ madwarna. Imma fil-fatt ma jistgħax ikun hemm paċi esterna jekk qabel ma jkunx hemm paċi interna – fil-qalb tagħna. Il-ħafna għawġ li naraw madwarna – terroriżmu, ġlied, abbużi, etc. huma riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ paċi nterna. U jekk infittxu iżjed fil-fond, insibu li l-għerq ta’ dan kollu hu l-alla tal-flus – ir-rebgħa!
Ġesu’ ġie biex iġib il-paċi u l-maħfra. Lid-dixxipli qalilhom “Id-dnubiet li taħfru jkunu maħfura u d-dnubiet li żżommu jkunu miżmuma” Hawnhekk ġiet imfissra din is-sentenza. Kwalunkwe dnub, kbir kemm hu kbir, jista’ jinħafer, basta jkun hemm indiema sinciera. Ma rridux inkunu arroganti u nippretendu l-maħfra qisa xi dritt tagħna. Alla jaħfrilna ghax iħobbna, u mhux għax Hu obbligat jagħmel hekk.
Aħna ħafna drabi f’dan il-Vangelu nittimbraw lil Tumas bħala wieħed li ma jemminx jekk ma jarax. Fil-fatt Tumas ried jagħmel esperjenza personali ta’ Kristu Rxoxt, u Ġesu’ laqa’ din ix-xewqa meta qallu biex imiss il-pjagi tiegħu. U hawnhekk Tumas jagħmel dik l-istqarrija ta’ fidi “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” – stqarrija li ħadd mill-appostli l-oħra ma kien għamel.
Fl-aħħar tal-laqgħa qamet diskussjoni dwar il-maħfra tad-dnubiet, u liema huma dawk li huma miżmuma. Ingħata l-eżemplu tal-abort, li jġib miegħu l-iskomunika. Din tinħall biss mill-Isqfijiet u ċerti ordnijiet bhad-Dumnikani, l-Agostinjani etc. Din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena, il-Papa Franġisku ta’ permess lill-qassisin kollha biex iħollu din l-iskomunika. Ġie spjegat ukoll li anke min jipparteċipa b’xi mod fl-abort ikun qiegħed jidneb. Dan id-dnub, bħalma diġa ġie spjegat, jista’ jinħafer jekk ikun hemm indiema sinciera.
Il-laqgħa tkompliet bi kwotazzjoni: Ġesu jagħder lill-bniedem mhux biss fl-uġigħ fiżiku imma anke meta jaddi minn mumenti ta’ qtigħ il-qalb. Għalkemm kien ġa deher lid-dixxipli; fl-evanġelju tal-llum naraw kif Hu reġa deher biex jneħħi d-dubju lil San Tumas u biex jimlieh bit-tama, kuragg u perseveranza fil-fidi tiegħu.
Grazzi Mulej, ta’ l-attenzjoni li tagħti lil bżonnijiet ta’ kull wieħed/waħda minna.