Il-fidi tagħna superfiċjali? – Prayer Cafè – 14 t’Ottubru 2016
Il-laqgħa bdiet bl-Ewwel Qari u l-Evanġelju tal-Ħadd, 16 t’Ottubru.
F’dan il-Vanġelu, joħorġu żewġ elementi: it-talb insistenti, u l-attenzjoni li bħala nsara nagħtu lil min hu dgħajjef.
“Urini l-għemil tiegħek biex nagħraf kemm hi sħiħa u b’saħħitha l-fidi tiegħek.” Il-fidi mingħajr azzjoni hi fidi mejta; hi fidi tal-apparenza.
Il-Vanġelu tal-Ħadd li ġej jagħtina element li hu ħafna għal qalb San Luqa: il-talb. Din hi t-tieni okkażżjoni fejn Ġesu’ jgħallimna kif għandna nitolbu. Din id-darba Luqa jżid l-element tal-insistenza. Irridu nistennew lil Mulej jgħaraf Hu, mhux aħna, il-waqt li jtina dak li qegħdin nitolbu.
Ħafna drabi naħsbu fit-talb bħala krib – għandi bżonn xi ħaġa u nitlob għalija. Pero’ hemm erba’ għamliet differenti ta’ talb: talb ta’ tifħir, talb ta’ ringrazzjament, talb ta’ petizzjoni u talb ta’ interċessjoni. Ħafna drabi t-talb tagħna jkun ta’ tip wieħed: agħtini għax għandi bżonn.
It-talb ta’ tifħir donnu l-iktar li jfixkilna. Ġesu’ kien jitlob permezz tas-salmi, li fihom ħafna tifħir, per eżemju, salmi 8, 65, 76, 100, 111, 150. Il-Lhud kienu jużawhom spiss. Bihom aħna nitgħallmu kif nagħmlu talb ta’ tifħir.
Il-Vanġelu tal-Ħadd jibda “F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal parabbola lid-dixxipli Tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jintelqu (b’insistenza).” Din kienet karatteristika tal-insara tal-bidu. Insibuha fl-ittri ta’ San Pawl. F’din il-parabbola għandna żewġ persunaġġi: l-imħallef u l-armla. F’din tal-aħħar jidħol il-kunċett tal-għajnuna lil min hu fil-bżonn. L-armla tirrappreżenta lil min m’għandux leħen. Fil-messaġġ għal Jum l-Emigranti, il-Papa saħaq fuq id-difiża tat-tfal, speċjalment dawk li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba persekuzzjoni u gwerer. Ħafna drabi dawn jiġu sfruttati b’diversi modi.
L-armla tissemma’ darbtejn oħra fil-Vanġelu: fil-qawmien tat-tifel tal-armla ta’ Najm, u l-offerta li tat l-armla fit-tempju. Ir-romol u l-foqra huma l-iktar nies privileġġjati fil-Vanġelu. Il-Papa jgħid li min m’għandux leħen għandu drittijiet daqsna, imma dawn qed jiġu injorati minħabba l-globalizzazjoni tal-indifferenza. Jien qiegħed ngħix hekk? Dak li nagħmlu biex inserrħu l-kuxjenza, minflok bil-vera mħabba? Il-fidi tagħna superfiċjali?
L-imħallef tal-parabbola kien korrott, u din il-korruzzjoni tant infirxet li saħansitra l-Ġnus Magħquda qed iħejju programm biex jiġġieldulha. Dħalna f’mentalita’ fejn “grazzi” mhix biżżejjed – nistennew xi ħaġa oħra lura. Aħseb u ara kemm se nsibuha diffiċli biex inpattu bit-tajjeb għal azzjoni ħażina kontrina!
In-nisrani jrid ikollu l-paċenzja li jistenna lil Alla jtih dak li qed jitlob fil-ħin li Alla jemmen li hu ta’ ġid għalih. Irid ikollna l-fiduċja li nħallu f’idejH. Irid ikollna għeruq sodi fit-tama.
Ħajjitna tista’ tkun talba? Filgħodu noffri l-ġurnata kollha u kull azzjoni u deċiżżjoni noħodha fid-dawl ta’ Kristu. U jekk niżbalja jkolli l-kuraġġ li nammetti. Il-Vanġelu ta’ San Luqa hu l-Vanġelu tat-talb. Kemm-il darba jsemmi lil Ġesu’ jitlob. It-talb hu marbut intimament mal-ħajja. Ġesu’ ried ikun fidil għal proġett li kellu l-Missier ghaliH. Alla għandu proġett għalina wkoll. It-talb jirrikjedi mumenti ta’ silenzju. Jien nista’ nkun il-ħin kollu fil-”kamra ta’ ġewwa”? Ħajti nista’ nagħmilha talba kontinwa billi nfittex li nagħmel ir-rieda tal-Missier.
Salm 121 hu salm ta’ radd il-ħajr u espressjoni ta’ fiduċja. “Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet mnejn se tiġini l-għajnuna.” Alla qiegħed magħna l-ħin kollu. Il-poplu Lhudi kien ikanta dan is-salm waqt li kien ikun tiela’ lejn it-tempju, biex jiffoka fuqu biss u mhux fuq it-tempji tal-allat foloz. Aħna wkoll għandna dawn “it-tempji foloz”. It-talb isaħħaħna biex ngħelbu dawn it-tentazzjonijiet. Il-Mulej iħarisna u jindukralna ruħna.
Ix-xmara ma tqattax il-blat għax hi b’saħħitha imma għax hi perseveranti
Il-Vanġelu jispiċċa bil-kliem “Se nsib fidi meta’ nerġa niġi?” It-talb itina enerġija spiritwali – iċ-ċertezza li aħna qegħdin hawn pellegrinaġġ. Is-salvazzjoni tiġi permezz tal-fidi u din tidher mill-mod kif nitolbu. Alla hu l-bidu ta’ kollox, allura rridu nduru lejH mingħajr kundizzjoni. Alla jħobbna b’imħabba infinita. Hu għandu l-għerf kollu. Jaf x’neħtieġu qabel ma nitolbuH. Hu jaf dak li għandna bżonn. Irridu nintelqu għal kollox f’idejH u naċċettaw ir-rieda Tiegħu.
Il-laqgħa għalqet bil-kwotazzjoni “A river cuts through a rock not because of its power but its persistence.” – “Ix-xmara ma tqattax il-blat għax hi b’saħħitha imma għax hi perseveranti.”