O Alla, ħenn għalija l-midneb – Prayer Cafè – 21 t’Ottubru 2016
Il-laqgħa Prayer Cafe tal-21 t’Ottubru bdiet bit-Talba tal-Moviment u ndaqqet kanzunetta dwar l-umilta:
Wara nqraw l-Ewwel qari tal-Ħadd li jmiss mill-Ktieb ta’ Bin Sirak 35:12-14 u l-Evanġelju mehud minn San Luqa 18:9-14.
Din il-parabola qalilna s-sur Joe Scerri xbajna nisimgħuha u tidhra pero meta tapprafondixxi fuqha tinduna kemm hi parabola profonda. Hi tirrigwarda żewġ personaġġi – il-Farizew u l-Pubblikan. Importanti li nindunaw lil min kien qiegħed jindirizza Ġesu hu u jirrakonta din il-parabola. Kieku kien fiż-żmien ta’ llum il-Fariżew jirraprezenta lill-Patri, lis-Soru, lill-Katekist, lilek li int membru f’xi għaqda reliġjuza bħal Kerŷgma, inti li qiegħed tmexxi l-laqgħat, inti li qiegħed fil-mixja Katekumenali, inti li int Karizmatiku, inti li tgħin fil-paroċċa, inti li tanima fil-quddies, inti li ma tinqalax minn mar-Radju żżebbeġ ir-rużarju, inti li ma tfallix quddiesa waħda l-Ħadd, inti li tara li ma tiksirx l-ebda regola u li tobdi l-preċetti kollha tal-Knisja, inti li ssum meta hemm l-obbligu tas-sawm u tħares kollox kif suppost. Dak kien il-Farizew ta’ żmien Ġesu.
Il-Pubblikan mbagħad mingħajr ma niġġudikaw, fi żmienna jirraprezenta nies kriminali, nies li ma jimpurtahom minn xejn, nies li għalkemm mhumiex ħżiena imma berdin… u hekk jibdew ħerġin l-aġġettivi li aħna nużaw biex niddistingwu t-tajbin mill-ħżiena.
Infatti l-Evanġelju jibda “ F’dak iż-żmien: Kien hemm xi wħud li waħħlu f’rashom li huma nies ġusti, u kienu jmaqdru lill-oħrajn.” Mela Ġesu hawn qiegħed jattakka lill-Fariżew u anke lil dawk li jippretendu li huma nies tajba llum. U jkollna nammettu li fina lkoll hemm xi naqra Fariżew u xi naqra mill-karateristiċi tal-Pubblikan.
“Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor publikan, telgħu fit-Tempju biex jitolbu.” tgħidilna l-parabola; mela dawn it-tnejn kellhom ċerta intimita u rispett lejn Alla. San Luqa kien evanġelist brillanti kif ‘ ipinġi’ d-deskrizzjoni. Filwaqt li nsibu li l-Fariżew mar bil-wieqfa qrib l-artal… il-Publikan qagħad il-bogħod mill-artal… It-talb tagħhom ukoll kien differenti; il-Fariżew hu u jitlob beda juri li hu kien iħares il-preċetti kollha imma għaxxaqa għax hemm quddiem l-artal jikkritika lill-Publikan li bħalu kien ġie jitlob! Fil-preġudizzju tiegħu lanqas biss jagħti kas is-sbuħija tat-Talba tal- Publikan. Talba li għalkemm qasir fejn tal-Fariżew imma kienet talba ħierġa mill-qalb niedma.. il-Publikan nsibu fl-Evanġelju “ lanqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘ O Alla, ħenn għalija l-midneb.’ ’’
X’inhi l-UMILTA? Fid-diska li għamilna fil-bidu tal-laqgħa kantaw “more about you, less about me”; mela tkun umli meta tpoġġi l-bżonnijiet ta’ l-oħrajn qabel tiegħek, meta ma tkunx kburi bik nnifsek; hi virtu, fiha saħħa spiritwali, b’umilta tkun lest li taħfer lil min għamillek id-deni. Is-sur Joe Scerri tenna li lilu l-iktar risposta li ogħġbitu għal din il-mistoqsija kienet minn tfajjel ta’ tnax-il-sena li rrisponda… “ L-umilta hi li jiena naċċetta r-rieda t’Alla.” Anke fit-talba tal-Missierna nistqarru “Ikun dak li trid Inti” Mhix ħaġa faċli fil-ħajja ta’ kuljum… ma nies qribek li jagħmlulek ħajtek diffiċli kuljum, ma nies fuq ix-xogħol li jagħmlu minn kollox biex jagħmluk miserabli, imma jekk jiena norbot ir-rieda tiegħi ma dik t’Alla nerbaħ. Bis-suppervja u l-imrar l-qalb tingħalaq. San Ġorġ Preca kien jgħid: “ Il-Bene non fa chiasso; e il chiasso non fa bene.” – It-tajjeb ma jagħmilx storbju u l-istorbju ma jagħmilx ġid.
Xinhu l-Preġudizzju? Ġesu dejjem jisħaqq fuq dan il-punt. Il-Preġudizzju hu għamad. Meta ġabulu lil mara l-midimba (li kienu qabdu fil-fatt tal-adulterju) Ġesu lanqas uża kelma waħda, imma beda jħażżeż fl-art… hawn minn jgħid li kien kiteb id-dnubiet ta’ min kien ġie jakkużaha… xi ħaġa missitilhom qalbhom għax minn dik il-furja kollha telqu wieħed wieħed; ħadd ma baqa hemm. Fil-parabola ta’ llum infatti insibu li kien il-Publikan li mar lura d-dar iġġustifikat.
Xi tfisser li tkun iġġustifikat? Li tħossok iġġustifikat, bħal Publikan fl-istorja ta’ llum, tfisser li tħossok mnaddaf, maħfur, tħossok fil-paċi. Il-ġustifikazzjoni mhix xi ħaġa li nakkwistaw b’idejna. Il-ġustifikazzjoni ġabilna Ġesu kif jinterpreta tajjeb San Pawl fit-tieni ittra lil Korintin: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja t’Alla.” (2 Kor 5:21) . Ix-xena fuq il-kalvarju ma kienitx xi waħda romantika kif kultant inpenġuha..ma kienitx xi ħaġa sabiħa… anzi Ġesu ġie mislub fuq salib bħala kriminal bejn żewġ ħallelin. Huwa ġie mislub mhux għax kien kriminal imma minnħabba t-twemmin tiegħu. San Pawl jgħidilna li s-salib hu skandlu għal Lhud u bluha għal pagani. ( L-istess kif aħna ngħidu ‘Imġienen’ għal fundamentalisti li jtajru ruħhom f’isem ir-reliġjon tagħhom!) Ġesu fuq is-salib kien mgħadud bħala kriminal – Alla nnifsu – Dak stess li pprevena li ommu tiċċappas bid-dnub – sar dnub għalina fuq is-salib. Jekk nieqfu nimmeditaw dan il-fatt l-umilta toħroġ weħidha.
Fl-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani (San Pawl nnifsu kien Fariżew qabel) javżana li mhux il-liġi – ir-reliġjon ssalvana. Ir-Reliġjon għandha tkun għajnuna għal ħajjitna, imma fl-ewwel post għandu jiġi l-qadi; l-għixien tal-fidi. Fl-ewwel ittra lil Korintin nsibu “ Jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jiena obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). Aħna b’egħmilna rridu nkunu d-dawl għal dawk ta’ madwarna.
Il-Konċilju Vatikan 2 kien Konċilju kbir u għadna qegħdin niżvolġuh. Qabel dan il-Konċilju konna nbeżżgħu ħafna b’Alla tal-Ħaqq – Alla tal-Kastig. Imma wara li ħareġ dan il-Konċilju bdejna aktar nippriedkaw fuq Alla tal-Imħabba. Hu veru li bil-mewta ta’ Ġesu fuq is-salib kull dnub ġie maħfur. Imma llum morna f’estrem li lil Alla ġibnieh ‘baħbuh’. Naħsbu li kollox se jgħaddi. Ma nistgħux nippretendu li għax mmorru l-quddies tal-Ħadd sirna mistiedna VIP fil-ġenna! L-Indiema mid-dnub trid tkun waħda sinċiera. Lil dik il-mara il-midimba li ġabu quddiem Ġesu biex jiġġustifika, Ġesu qalilha li għax nidmet, nħafrulha dnubietha. Din insibuha anke fil-parabola tal-lum. Tista’ tobdi l-preċetti kollha imma dawn mhux se jiġġustifikawk; jiġġustifikak Ġesu; aħna lkoll midimba u għalhekk m’għandniex dritt li niġġudikaw lil Ħadd.
Din il-parabola tal-lum u tal-ġimgħa l-oħra magħqudin flimkien għax it-tnejn huma fuq it-talb. Il-ġimgħa l-oħra tkellimna fuq il-PERSEVERANZA tat-talb u din il-ġimgħa qegħdin nitkellmu fuq id-DISPOŻŻIZZJONI tal-qalb tagħna aħna u nitolbu.
Jekk qalbi mimlija biha nnifsi, m’hemmx spazju għal grazzja t’Alla. Nista’ nkun l-ikbar ‘qaddis’ . Il-preċetti biss mhux se jwassluk għal qdusija – din tiġi bl-opri tajba. Billi tgħin lil min għandu bżonn.
Ktieb li rrakomanda s-sur Joe Scerri li naqrawh huwa “IL-Mixja tal-Pellegrin”. Fih niltaqgħu ma’ bniedem- ma pelegrin – li jivjaġġa jfittex it-talba perfetta. U din kienet tal-Publikan tal-istorja ta’ llum. ‘Mulej Ġesu jkollok ħniena minn għax jien midneb.’ Talba li meta tingħad b’sinċerita ġġiblek il-paċi, il-ġustifikazzjoni.
Il-laqgħa spiċċat bit-talba tal-Missierna u bi kwotazzjoni dwar l-umilta ta’ Madre Teresa : “Jekk inti umli, xejn ma jibdlek..la foħrija ..lanqas ebda għajn, għaliex inti taf min inti”