L-universaliżmu – Prayer Cafè – 6 ta’ Jannar 2017
L-EPIFANIJA TAL-MULEJ – 8 TA’ JANNAR – taħdita minn Fr. Reno Muscat
X’inhu l-universaliżmu?
Hemm tlett termini li huma frott tal-universaliżmu.
- “Global village”. Nisimgħu din l-espressjoni li bdiet permezz ta’ McLuhan u Fiore, awturi tal-ktieb “War and Peace in the Global Village”, fejn dawn jaraw lid-dinja kollha magħquda flimkien b’mezzi ta’ telekomunikazzjonijiet moderni. Biss xorta l-pajjiżi jibqgħu ndipendenti, ekonomikament, soċjalment, u politikament, pero’ fl-istess ħin interdipendenti. Illum ngħixu dak li jissejjaħ “real time”, li jfisser li naraw x’qed jiġri fid-dinja proprju dak il-ħin stess li qed iseħħ.
- Soċjeta’ Likwida. Ħareġ b’din il-frażi Sigmund Bowman. Fil-globalizzazjoni, kien jara l-istess problemi li jinġarru minn soċjeta’ li m’għadhiex solida, m’għadhiex stabbli, fiha l-inċertezza, timxi wara l-produtturi u l-konsumaturi. “Il-konsumiżmu u l-industrija tal-biża’ f’dinja globalizzata iddewweb is-sigurta’ u titlef lill-umanita’ f’soċjeta’ likwida”. X’jiġifieri dan? Aħna kontinwament ibbumbardjati bir-reklami. X’iskop aħħari għandu r-reklamar? Li lilek iġiegħlek tħossok fil-bżonn ta’ dak il-prodott anke jekk fil-verita’ m’għandekx bżonnu. Din hi problema universali, anke f’pajjiżi tat-tielet dinja. Ir-reklamar hu wieħed mill-fatturi għaliex is-soċjeta’ tilfet l-istabbilita’ tagħha – saret likwida.
- “The McDonaldisation of Society”. George Ritzer, awtur tal-ktieb “The McDonaldisation of Society” (1993) juri kif il-McDonaliżmu wkoll hu effett tal-universaliżmu. Qed ngħixu f’dinja sterjotipika – tmur fejn tmur fid-dinja, bħal McDonalds, se tiġi offrut l-istess prodott. M’hemmx fruntieri. Qed ngħixu f’raħal, mhux dinja. Chains sħaħ ta’ ħwienet li waqqgħu l-fruntieri fin-negozju. Qed ngħixu f’dinja żgħira fejn sirna ġirien ta’ kulħadd. Mal-universaliżmu ma tilgħabx. Trid tara xi jrid il-konsumatur. Għaliex nixtri dan il-prodott u mhux l-ieħor? Din hi ħaġa universali. Il-konsumatur għandu effett fuq il-globalizzazjoni. Per eżempju, illum kulħadd konxju tal-ambjent. Allura, fir-reklamar, bħal ta’ McDonalds u l-Coca Cola, qed jintuża l-aħdar flok l-aħmar. Dan kollu frott tal-universaliżmu.
Issa x’għandu x’jaqsam dan kollu mal-Vanġelu? Dan hu l-Vanġelu tal-universalita’ tad-dinja kollha. Fil-bidu tal-Vanġelu nsibu l-maġi jistaqsu fejn twieled is-sultan tal-Lhud. Elfejn sena ilu il-Lhud kienu, u għadhom, jistennew messija tagħhom biss, il-poplu magħżul, il-poplu t’Alla. Sa minn twelidu, Kristu wera li Hu ġie għad-dinja kollha – l-univers. “Ġew xi maġi mil-Lvant” – mill-bogħod. Kristu, bil-miġja Tiegħu, waqqa’ l-fruntieri kollha. Dawn aħna nagħmluhom. Anke fit-tagħlim Tiegħu, “morru sa’ truf l-art xandru l-bxara t-tajba”.
Ħsieb ieħor hu l-biża’ ta’ Erodi. Beża’ li ħa jitlef xi ħaġa. Għalhekk il-bniedem joffri oppożizzjoni anke għal ħaġa sempliċi. Il-bniedem jibża’ mill-bdil għax jibża’ li ser jitlef xi ħaġa minn tiegħu – soċjeta’ likwida. Erodi ma kellux fidi biżżejjed biex jemmen u jifhem li dik il biża’ kienet finta għalih għax is-sultan li twieled kien sultan universali. Kristu jneħħilna l-biża’. Irridu nduru lejH. Is-slaten maġi ma beżgħux li se jitilfu s-saltna tagħhom, imma raw fiH sultan ieħor u offrewlu rigali, għax raw fiH il-kobor t’Alla. Dan l-universaliżmu – dinja mingħajr fruntieri – ġagħabilna Kristu meta wera Lilu nnifsu lid-dinja kollha. Kien l-ewwel universaliżmu. Il-bniedem kien għadu ftit il-bogħod biex jifhem dan il-kunċett. Dan li qed ngħixu llum twettaq elfejn sena ilu, b’mod spiritwali, meta Kristu ta Lilu nnifsu lill-univers kollu. Dan hu s-sens veru tal-Epifanija. Jekk ħa nibqgħu soċjeta’ esklussiva ma nkunu fhimna xejn mill-fatt li Kristu ġie għal kulħadd. F’kollox irridu nwaqqgħu l-fruntieri, kemm soċjali kif ukoll spiritwali. Inkella ma nkunux qed nifhmu l-veru sens għaliex aħna nsara. Kristu hu ta’ kulħadd.
L-istess ideja ta’ universalita’ nsibuha sa’ mill-bidu nett tal-Bibbja – il-ħolqien. Hawnhekk issemma kif dal il-ħsieb jattakka l-egoiżmu tagħna. Naħsbu li d-dinja ddur madwarna, u mhux aħna nduru mad-dinja. Din hi problema anke fl-edukazzjoni fid-dar – il-mod kif inħarsu lejn uliedna – dejjem għanhom raġun.
L-art hi ta' kulħadd. Ġesu' ħadha kontra n-nazzjonaliżmu Lhudi. Jew taċċetta lil Ġesu' kif inhu, inkella tissejjaħx nisrani.
Fr Reno hawnhekk kompla jżid li dan l-egoiżmu nsibuh anke fis-soċjeta, f’min għandu l-mezzi u l-poter. Hemm bżonn li jsir investiment f’pajjiżi tat-tielet dinja biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu aħjar f’pajjiżhom.
Dak li t-teknoloġija qed tagħmel illum, Kristu riedu mill-bidu. Għad għandna nsara, li huma konvinti li huma nsara, li emigrant f’pajjiżhom ma jriduhx. L-art hi ta’ kulħadd. Ġesu’ ħadha kontra n-nazzjonaliżmu Lhudi. Jew taċċetta lil Ġesu’ kif inhu, inkella tissejjaħx nisrani.
Bħal ma qal il-papa Franġisku, “Ejjew ngħixu l-kelma sempliċi ta’ Ġesu’.”