TIXTIEQ TARA L-MULEJ? – Il-31 Ħadd matul is-sena Ċ – 3 ta’ Novembru 2019

TIXTIEQ TARA L-MULEJ? – Il-31 Ħadd matul is-sena Ċ – 3 ta’ Novembru 2019

October 24, 2019
0

Il-31 Ħadd Matul is-Sena

TIXTIEQ  TARA  L-MULEJ?

Għerf 11, 22-12,2; Salm144; 2 Tessalonkin 1, 11-2,2; Luqa 19:1-10

Il-Vanġelu: Ġesù u Żakkew

     Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri  ‘l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.  Ġesù, kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.”  Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.  In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.”  Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.  Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva   l-mitluf.”

Il-Ħsieb

illum jeħtieġli noqgħod għandek
Tixtieq tara l-Mulej?  Għandek għatx biex tara l-Mulej?  Żakkew hu eżempju tal-bniedem tal-lum li, minkejja kollox, ifittex biex jara l-Mulej, jiġifieri mingħajr ebda kuntatt iżda bħala spettatur, kif nagħmlu aħna meta mmorru l-quddiesa tal-Ħadd, immorru biex nissodisfaw l-obbligu.  Naraw il-Mulej iżda ftit li xejn nagħmlu kuntatt miegħu.  Naraw, nibqgħu naraw mingħajr ma nkellmuh, u nibqgħu spettaturi tal-fidi u mhux protagonisti tal-fidi tagħna.

Lil Żakkew iżda l-Mulej lemħu, kif jilmaħ lilna lkoll.  Lemħu u sejjaħlu, ħa l-inizjattiva Hu.  Anzi stieden ruħu b’idejh u ma qagħadx jagħti każ ta’ xi jgħidu n-nies.  U araw x’jiġri kif niftħu qalbna beraħ għal Ġesù.  Nieħdu l-inizjattiva aħna kif ħadha Żakkew hekk kif Ġesù daħal f’daru, inizjattiva ta’ umiltà u maħfra għax nafu li quddiem l-inizjattiva ta’ mħabba li jieħu Ġesù fadlilna biss li nitolbu maħfra.

Il-Kelma

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, insibu kemm il-Mulej jieħu paċenzja bil-poplu tiegħu.  L-imħabba ta’ Alla tisboq bil-bosta l-akbar tamiet tal-bniedem.  Alla mhux talli ma ħalaqx il-mewt iżda huwa Alla tal-ħajjin.  Fis-Salm 144 li ntennu fis-Salm Responsorjali, għandna għanja ta’ tifħir għax il-bniedem jagħraf kemm Alla jħobbu.  Fit-Tieni Qari mit-Tieni Ittra lit-Tessalonkin, San Pawl jeżortana li t-tieni miġja ta’ Kristu, tkun meta tkun, ma għandhiex tiżra’ fina ħsibijiet ta’ biża iżda sens kbir ta’ mħabba li Alla għandu għalina.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna r-rakkont ta’ l-istedina li Ġesù għamel lil Żakkew il-pubblikan u kif Żakkew għamel konverżjoni sħiħa u dar lejn il-Mulej.

Il-Ħajja

1.  Bħal Żakkew aħna kurjużi, iżda mill-fidi nagħmlu biss tfittxija ta’ spettaturi b’assenza kompleta ta’ parteċipazzjoni.

2.  Il-konverżjoni tibda mit-tfittxija iżda wkoll mill-qalb miftuħa li rridu nħallu għall-Kelma ta’ Alla li tidħol fina biex tibdilna.

3.  Kemm aħna lesti li tassew inħallu l-Mulej jiġi u jidħol fid-dar tagħna?

4.  Kemm kapaċi nagħmlu b’umiltà stqarrija serja u sinċiera ta’ ħtijietna?

5.  Il-Mulej irid li aħna nkunu salvi.  Irid li fil-qalb tagħna ssaltan il-grazzja u s-salvazzjoni.  Għaliex nirrifjutaw il-grazzja?

Id-Djalogu

Mulej, bħal Żakkew ħafna drabi jien kurjuż

għal xi spettaklu anki tal-fidi

agħmel li bħal Żakkew nilqgħek fid-dar tiegħi

u nwegħdek li nimxi warajk

minkejja d-djugħfija tiegħi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.