NGĦIXU L-KMANDAMENTI – Is-6 Ħadd matul is-sena A – 12 ta’ Frar 2023
Is-6 Ħadd Matul is-Sena
NGĦIXU L-KMANDAMENTI
Bin Sirak 15, 15-20; Salm 118; 1 Korintin 2, 6-10; Mattew 5:17-37
Il-Vanġelu
Il-Liġi ta’ Mosѐ u l-liġi l-ġdida
“Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
“Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.”
“Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern. Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
“Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
“Ntqal ukoll, ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.
“Smajtu wkoll x’intqal lin-nies ta’ dari, ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.’ Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas- Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Il-bniedem ġie maħluq minn Alla liberu u rajh f’idejh. Il-bniedem huwa msejjaħ biex minn rajh jagħżel li jimxi fuq il-liġi ta’ Alla kif itenni l-awtur tal-Ktieb ta’ Bin Sirak fl-Ewwel Qari tal-lum. Is-Salm 118 juri li hemm minn dawk li jimxu fuq l-liġi tal-Mulej. Fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin insibu li l-għerf ta’ Alla jistgħu jagħrfuh dawk li huma mrawmin sewwa fil-fidi u fl-imħabba. Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, għandna t-tifsira ta’ Ġesù li ġie biex jipperfezzjona l-liġi u l-profeti. Huwa jispjega wkoll l-importanza tal-ħames, is-sitt u t-tmien kmandament.
Il-Ħajja
- Il-ħeġġa tan-nisrani kuljum hija dik li tgħinu jfittex u jikseb aktar territorju qrib tal-Mulej. Hemm bżonn li niddrittaw it-toroq tagħna fid-dawl tal-liġi tiegħu.
- L-għażla tad-dnub u għad-dnub hija f’idejna. Alla ħalliena liberi saħansitra li neħduha kontra tiegħu. Kemm tassew qed inħares lejn il-kmandamenti bħala mumenti ta’ grazzja li permezz tagħhom aħna stess nirregolaw il-ħajja tagħna?
- Hemm bżonn li nagħmlu għażliet ċari u bla tlaqliq fuq it-tip ta’ fidi li qed ngħixu.
- Id-diskors ta’ Krisu llum huwa ċar għal min irid jifhem – le għad-divorzju u responsabbiltà kbira fuq kull min ikisser żwieġ.
Id-Djalogu
Fehemni Mulej
biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha.