IL-FALLIMENT TAGĦNA – L-1 Ħadd tar-Randan A – 26 ta’ Frar 2023
L-1 Ħadd tar-Randan
IL-FALLIMENT TAGĦNA
Ġen 2: 7-9; 3,1-7; Salm 50; Rumani 5: 12-19; Mattew 4:1-11
Il-Vanġelu
It-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert
Mbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.” Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ “
Mbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li ‘Fuq idejhom jerfgħuk, Ħalli ma taħbatx riġlejk ma’ xi ġebla.’ ” Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ”
Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.” Mbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’ ”
Mbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi, għandna l-ħolqien ta’ Adam u Eva u d-dnub tagħhom. Ħolqien li juri l-imħabba kbira ta’ Alla u l-libertà assoluta li ta lill-bniedem. Is-silta tas-salm, meħuda minn Salm 80, hija talba ta’ ħniena lil Alla meta nagħrfu li aħna midinbin. Fit-Tieni Qari tal-lum għandna s-silta mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn naraw b’mod ċar it-tweġiba ta’ Alla għall-falliment tal-bniedem. Il-ġustifikazzjoni li kisbilna Kristu hija att kbir ta’ mħabba ta’ Alla lejna. Fil-Vanġelu tal-lum l-Evanġelista San Mattew jirrakkonta t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù mix-xitan fid-deżert. Ġesù jitkellem u jkeċċi x-xitan. Fid-diskors ta’ Ġesù għandna s-sinjali fejn irridu npoġġu tassew l-għażliet ta’ ħajjitna; mhux fuq it-tlellix iżda fuq il-Kelma t’Alla.
Il-Ħajja
1. Bdejna r-Randan. Irid ikun mument ta’ MISTOQSIJIET U GĦAŻLIET fuq x’tip ta’ ħajja qed ngħixu?
2. Iż-żmien tar-Randan m’huwiex żmien ta’ tiġdid spiritwali biss iżda wkoll ta’ riforma fuq il-mod ta’ ħajja u attitudnijiet tagħna ta’ kuljum – TIĠDID
3. X’għażliet qed tagħmel kull ħin fil-ħajja tiegħek? Imbuttati mix-xitan jew favur Ġesù?
4. Xi programm ta’ tiġdid lestejt għal dan iż-żmien tar-Randan?
Id-Djalogu
Mulej, għallimni
matul dan ir-Randan
insib aktar lilek u lili nnifsi.