KONFERMA GĦALL-UMANITA’ – It-2 Ħadd tar-Randan sena A – 5 ta’ Marzu 2023
It-2 Ħadd tar-Randan
ĠESÙ KRISTU: KONFERMA GĦALL-UMANITA
Ġenesi 12: 1-4a; Salm 32; 2 Timotju 1:8b-10; Mattew 17:1-9
Il-Vanġelu
Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”
Il-Ħsieb
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi u jirrakkonta s-sejħa ta’ Abram missier il-poplu t’Alla. Sejħa li kellha ħafna diffikultajiet, iżda Abram aċċetta dan ir-riskju kbir ta’ fidi. Is-Salm Responsorjali meħud minn Salm 32 huwa rakkont kif il-patt ta’ Alla ma’ Abram kien sinjal ta’ għaqda ta’ Alla mal-bnedmin, għaqda li tnissel tama li għad iqum mill-medjokrità tiegħu. Fit-Tieni Qari tal-lum, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, għandna messaġġ qawwi, dak li meta wieħed jgħix il-Vanġelu bilfors li jrid ibati; iżda wkoll hemm tama li meta tgħix il-Vanġelu se tikseb dawl qawwi għall-kumplament ta’ ħajtek. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jieħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni fuq il-muntanja u ssir it-trasfigurazzjoni. Għandna leħen il-Missier li juri kemm tassew hi importanti l-missjoni fdata f’Ġesù Kristu għas-salvazzjoni ta’ l-umanità kollha.
Il-Ħajja
1. Fil-Ħajja tagħna nippruvaw minn kollox biex insibu ftit hena. Għaliex qatt ma ppruvajna nsibu tassew il-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitna?
2. Kemm tassew qed ngħixu l-fidi tagħna fid-dawl tal-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu, kliem li jagħtina tama u kuraġġ ma’ kull sfida ta’ ħajjitna?
3. L-istess sejħa li Alla għamel lil Abraham Alla jagħmilha lil kull wieħed u waħda minna. Kif qegħdin inwieġbu?
4. F’dan iż-żmien tar-Randan hemm bżonn li nikbru aktar fl-imħabba tagħna lejn Alla fil-proxxmu.
Id-Djalogu
Mulej, għinni
fit-tfittxija tiegħi għalik
kuljum.