GĦANDEK GĦATX? – It-3 Ħadd tar-Randan sena A – 12 ta’ Marzu 2023
It-3 Ħadd tar-Randan
GĦANDEK GĦATX?
Eżodu 17:3-7; Salm 94; Rumani 5: 1-2, 5-8; Ġwanni 4: 5-42
Il-Vanġelu
Ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. “Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?” Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”
Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.” Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘ma għandix żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!” Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”
Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi trid?’, jew, ‘Għax qiegħed titkellem magħha?’ Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?” U nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!” Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?” Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.”
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: ‘Qalli kull ma għamilt,’ tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”
Il-Ħsieb
parti minna, mill-ħajja tagħna, mill-mod kif naġixxu. Iżda ħafna drabi l-għatx għall-materjali jżommna fuq livell ta’ medjokrità b’mod li l-veru għatx għall-valuri ta’ kuljum lanqas biss inħossuh. It-tielet Ħadd tar-Randan għandu stedina ċara, agħraf dak li se titlob lil Ġesù.
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Eżodu u għandna r-rakkont ta’ meta l-poplu Lhudi fil-mixja tiegħu lejn l-Art Imwegħda qabdu l-għatx. Minkejja n-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu f’Alla, Alla jibgħat ilma mill-blat. Fis-Salm Responsorjali għandna stedina biex nisimgħu leħen il-Mulej u ma nwebbsux qalbna. San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jtenni li minħabba li konna fid-dnub Ġesù Kristu sar għalina l-ilma ħaj li jeħlisna mill-jasar. Dan seta’ jagħmlu bil-mewt tiegħu. Fil-Vanġelu għandna d-djalogu bejn Ġesù u s-Samaritana li talbitu jagħtiha l-ilma. Ġesù jagħtiha ilma differenti, li jagħti l-ħajja.
IL-Ħajja
1. Il-Mulej jagħtina l-ilma li jżommna ħajjin kull ħin. Kif qed naċċetta dan l-ilma fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?
2. Il-Mulej ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħtu, kif itenni fil-Vanġelu tal-lum. Inti u jien kemm qed nifhmu xi jrid il-Mulej minna?
3. Kif qed taqta’ l-għatx tiegħek kuljum, bl-ilma li jagħtina Ġesù b’mod speċjali fl-Ewkaristija jew b’affarijiet materjali li jkomplu jagħmlulna aktar għatx?
4. Kristu jrid u jinsab lest li jkun l-ilma ħaj għalina kull ħin. L-għażla bil-libertà kollha hija f’idejna.
Id-Djalogu
Agħmel Mulej
li ma nfittex imkien biex naqta’ l-għatx ħlief bik,
bil-kelma tiegħek, bil-Ġisem u d-Demm tiegħek.