NAWFRAĠJU! – L-Appostlu Missierna San Pawl – 10 ta’ Frar 2024
10 ta’ Frar: L-Appostlu Missierna San Pawl
NAWFRAĠJU!
Għerf 14, 3-7; Salm 106; Atti 27, 16-28,6; Mark 16, 15-20
Il-Vanġelu
U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.” U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippritkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Il-Ħsieb
Il-Mulej Ġesù ħabbna fuq li ħabbna tant li bagħtilna wieħed mid-dixxipli tiegħu, l-Appostlu tal-Ġnus, biex jiżra’ l-fidi fil-qalb tagħna.
Missirijietna ħabbewh mill-ewwel. San Pawl, minkejja li kien għadu priġunier, ma beżax iwasslilna l-kelma ta’ Alla li dehret bil-kliem li wettaq u bil-mirakli li għamel ta’ fejqan. San Pawl seraq il-qlub tal-Maltin u żera’ fihom iż-żerriegħa tas-salvazzjoni dejjiema…. Iżda llum dan kollu huwa storja? Kemm tassew fadal fidi fil-poplu Malti?
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ l-Għerf, naraw li kulma jseħħ fid-dinja jseħħ minħabba l-Providenza ta’ Alla. Is-Salm Responsorjali, minn Salm 106, huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għall-għeġubjijiet li jagħmel mal-bnedmin. Fit-Tieni Qari, mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna r-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq gżiritna. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lil Ġesù jagħti l-mandat u l-missjoni lill-Appostli biex imorru JXANDRU AĦBAR TAJBA u jgħammdu lill-ġnus.
Il-Ħajja
San Pawl ġie Malta u wettaq dak mitlub minnu mill-Mulej. Ġabilna fejqan bil-kelma u fejqan bil-mirakli li wettaq. Il-fidi żammet lill-poplu Malti ħaj tul dawn is-sekli kollha. Illum huwa jum ta’ ringrazzjament nazzjonali lil Alla għal din il-grazzja li tana. Iżda wkoll jum ta’ tiġdid fil-fidi li tgħinna lkoll meta ngħixuha mhux biss fuq livell individwali iżda anki fuq dak kollettiv bħala nazzjon. Kemm tassew il-familji Maltin għad għandhom lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjithom? Ħafna drabi naqgħu fl-iżball li ninġarru minn modi u kurrenti li huma frontali kontra l-valuri tal-fidi tagħna. Inġibu l-gwaj b’idejna. U dan narawh mill-esperjenza tagħna ta’ kuljum. Liema huma l-mumenti tal-veru ferħ fil-ħajja tagħna? Kemm tassew qed nitolbu kull ħin maħfra lill-Mulej u nitolbuh idawwal l-għemil tagħna?
Id-Djalogu
Mulej, San Pawl żera’ ż-żerriegħa tal-fidi fil-poplu Malti. Għinni, lili bħala Malti, biex inkompli din il-missjoni tiegħu fi gżiritna bl-għemil u bit-twemmin tiegħi.