Marija Omm Alla: Jum il-Paċi – 1 ta’ Jannar 2020
Marija Omm Alla – Jum il-Paċi
BIDU FIL-BARKA
Numri 6:22-27, Salm 62; Galatin 4:4-7; Luqa 2:16-21
Il-Vanġelju
Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura.
F’dak iż-żmien, ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.
Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.
Il-Kelma tal-Mulej
Rl . Tifħir lilek Kristu
Il-Ħsieb
Bdejna sena ġdida. Proponimenti…. aħjar le għax niksruhom mill-ewwel. Iżda xi ħaġa ġdida jrid ikollna. Irridu nħarsu lejn xi ideal. Bdejna sena ġdida u l-ewwel jum huwa ddedikat għall-paċi. Ma nistgħux naspiraw għall-paċi vera jekk din ma tibdiex mill-qalb tal-bniedem; u l-qalb tal-bniedem tnibbet il-paċi jekk tkun qalb umli mingħajr pretensjoni. Dik hi l-qalb li kellu Ġesù ir-Rgħajja, Marija u Ġużeppi. Ma nistgħux nittamaw f’sena tajba jekk mhux se tkun sena li fiha nippruvaw nagħtu aktar milli naqilgħu, jekk mhux se tkun sena li bħal Marija ngħidu IVA u nagħrfu dak li jrid Alla minna. Hija din l-isfida li għandna quddiemna f’din is-sena li bdejna. Hu għalhekk li l-ewwel jum tas-sena huwa ddedikat lil Marija, biex tkun mudell ħaj fl-għażliet tagħna matul din is-sena. Irridu niftakru li issa m’aħniex ilsiera “iżda iben; u jekk iben werriet” (Gal 4,7). Is-sehem tagħna mis-sema ma rridux naħluh.
Il-Kelma
Fl-ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tan-Numri, għandna s-sejħa ta’ l-Isem t’Alla bħala mument ta’ barka fuq il-poplu. Fil-ħajja tagħna għandna bżonn kontinwament din il-barka għax inkella nintilfu. Propju din il-barka twassalna biex nitolbu l-ħniena tal-Mulej kif itennu fis-Salm Responsorjali tal-lum. San Pawl fl-Ittra lill-Galatin irid juri li Ġesù huwa tassew bniedem bħalna għax huwa mwieled minn mara. Il-faqar ta’ Ġesù jidher fil-Vanġelu tal-lum meta nsibu d-dehra ta’ Betlem u min kienu dawk li marru jaraw lil Ġesù, ir-rgħajja, nies fqar u sempliċi.
Il-Ħajja
1. Fil-bidu tas-sena nagħrfu x’tip ta’ ħajja qegħdin ngħixu? X’għażliet qed inwettqu?
2. Lesti nagħżlu DEJJEM lil Ġesù f’ħajjitna jew għadna marbutin mal-kompromessi?
3. Kemm tassew kapaċi nkunu nies umli u sempliċi?
4. Lesti nkunu bħal Marija – qaddejja tal-Mulej?
Id-Djalogu
Mulej Ġesù
bierek din is-sena li bdejna
ħa nikber bik u fik f’kull ħin.