Marija Omm Alla: Jum il-Paċi – 1 ta’ Jannar 2020

Marija Omm Alla: Jum il-Paċi – 1 ta’ Jannar 2020

December 21, 2019
0

Marija Omm Alla – Jum il-Paċi

BIDU FIL-BARKA

Numri 6:22-27,  Salm 62; Galatin 4:4-7; Luqa 2:16-21

 

Il-Vanġelju

Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura.

F’dak iż-żmien, ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Kelma tal-Mulej

Rl . Tifħir lilek Kristu

Il-Ħsieb

Bdejna sena ġdida.  Proponimenti…. aħjar le għax niksruhom mill-ewwel.  Iżda xi ħaġa ġdida jrid ikollna.  Irridu nħarsu lejn xi ideal.  Bdejna sena ġdida u l-ewwel jum huwa ddedikat għall-paċi.  Ma nistgħux naspiraw għall-paċi vera jekk din ma tibdiex mill-qalb tal-bniedem; u l-qalb tal-bniedem tnibbet il-paċi jekk tkun qalb umli mingħajr pretensjoni.  Dik hi l-qalb li kellu Ġesù ir-Rgħajja, Marija u Ġużeppi.  Ma nistgħux nittamaw f’sena tajba jekk mhux se tkun sena li fiha nippruvaw nagħtu aktar milli naqilgħu, jekk mhux se tkun sena li bħal Marija ngħidu IVA u nagħrfu dak li jrid Alla minna.  Hija din l-isfida li għandna quddiemna f’din is-sena li bdejna.  Hu għalhekk li l-ewwel jum tas-sena huwa ddedikat lil Marija, biex tkun mudell ħaj fl-għażliet tagħna matul din is-sena.  Irridu niftakru li issa m’aħniex ilsiera “iżda iben; u jekk iben werriet” (Gal 4,7).  Is-sehem tagħna mis-sema ma rridux naħluh.

Il-Kelma

Fl-ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tan-Numri, għandna s-sejħa ta’ l-Isem t’Alla bħala mument ta’ barka fuq il-poplu.  Fil-ħajja tagħna għandna bżonn kontinwament din il-barka għax inkella nintilfu.  Propju din il-barka twassalna biex nitolbu l-ħniena tal-Mulej kif itennu fis-Salm Responsorjali tal-lum.  San Pawl fl-Ittra lill-Galatin irid juri li Ġesù huwa tassew bniedem bħalna għax huwa mwieled minn mara.  Il-faqar ta’ Ġesù jidher fil-Vanġelu tal-lum meta nsibu d-dehra ta’ Betlem u min kienu dawk li marru jaraw lil Ġesù, ir-rgħajja, nies fqar u sempliċi.

Il-Ħajja

1.  Fil-bidu tas-sena nagħrfu x’tip ta’ ħajja qegħdin ngħixu? X’għażliet  qed inwettqu?

2.  Lesti nagħżlu DEJJEM lil Ġesù f’ħajjitna jew għadna marbutin mal-kompromessi?

3.  Kemm tassew kapaċi nkunu nies umli u sempliċi?

4.  Lesti nkunu bħal Marija – qaddejja tal-Mulej?

Id-Djalogu

Mulej Ġesù

bierek din is-sena li bdejna

ħa nikber bik u fik f’kull ħin.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.