UMILJAZZJONI! – Nhar il-Milied – 25 ta’ Diċembru 2019
Il-Milied – Il-Quddiesa ta’ bin-nhar
UMILJAZZJONI!
Isaija 52:7-10, Salm 97; Lhud 1,1-6; Ġwanni 1,1-18
Il-Vanġelu – Il-Verb sar bniedem
Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.
U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.’ “
Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
Il-Ħsieb
Il-festa waslet. Il-probabbiltà hi li ninsew il-protagonisti tagħha. Nagħżlu li niċċelebraw il-Birthday ta’ xi ħadd mingħajr ma nagħtu kas ta’ min hija l-festa. Din hija l-umiljazzjoni kbira li qegħdin nerġgħu ngħaddu minnha lil ĠesuÏ minkejja dak kollu li fil-festa tal-Milied niċċelebraw, li wettaq għall-umanitaÏ. Ġesù ftaqar biex aħna nsiru sinjuri. Fil-Grotta ta’ Betlem, Ġesù għadda minn umiljazzjoni kbira li tkompliet sa fuq is-salib. “Ġie f’daru iżda niesu ma laqgħuhx”. Noqogħdu attenti li l-avveniment li qed niċċelebraw illum ikun ġrajja ħajja għalina lkoll. Ġrajja li tqawwi l-ħajja tagħna bħala nsara meta nagħrfu l-UMILJAZZJONI kbira li ġarrab Ġesù. Quddiem ix-xena tal-Grotta ta’ Betlem irridu nirringrazzjaw bil-qalb lil Ġesù għal dak kollu li jagħmel magħna kull ħin.
Il-Kelma
Fl-ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija għandna deskrizzjoni tar-ritorn tal-poplu ħieles mill-eżilju ta’ Babel. Alla ġej biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu, ifarraġ, ifejjaq, jifdi u jsalva. U propju din hija l-għajta tas-Salmista meta fis-Salm 97 itenni li “Raw it-truf kollha ta’ l-art is-Salvazzjoni ta’ Alla tagħna.” Salvazzjoni li skond l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud li naqraw fit-Tieni Qari tal-lum insibu li l-Kelma ta’ Alla laħqet il-quċċata tagħha bil-miġja ta’ Kristu Ġesù. Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu lil Għerf-Kelma-Verb sar bniedem bħalna fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.
Il-Ħajja
- Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja. Kien fid-dinja u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Int se tkun wieħed li m’għaraftux?
- X’se tagħti lil Ġesù fil-Grotta ta’ Betlem?
- Kemm se tagħmel minn dan il-Milied okkażjoni biex tgħin lill-fqir?
- X’se titlob li jagħtik Ġesù llum?
.
Id-Djalogu
Mulej agħmel li quddiem l-umiljazzjoni tiegħek ma nistħix ngħix ta’ Nisrani.