OBDEW! – Ir-4 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 22 ta’ Diċembru 2019
Ir–4 Ħadd ta’ l-Avvent
MARIJA U ĠUŻEPPI: OBDEW
Isaija 7:10-14, Salm 23; Rumani 1,1-7; Mattew 1,18-24
Il-Vanġelu: It-twelid ta’ Ġesù Kristu
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:
‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’,
Li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
It-twelid minn xebba, ta’ iben min-nisel ta’ David, li se jkun GħimmanuEl, li tfisser Alla magħna, insibuh fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. U għalhekk għandna nilqgħu lill-Mulej kif itenni s-Salm 23 -“Ħa jidħol il-Mulej; Hu s-Sultan tal-Glorja”. kif insibu wkoll fil-bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna ġabra tat-tagħlim ta’ l-Insara ta’ l-ewwel żminijiet, fejn il-Vanġelu huwa t-twettiq tar-rabta l-Qadima. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu lil Marija, l-Għarusa ta’ Ġużeppi Bin David, li twelled lil Ġesù.
Il-Ħajja
- Ġużeppi u Marija obdew ir-rieda ta’ Alla. Kemm tassew qed nagħmlu hekk aħna?
- Għimmanu-El – Alla magħna. Temmen inti dan?
- Alla jwettaq dak li wiegħed permezz tat-twelid ta’ Ibnu. Kemm tħossok li inti tifforma parti ħajja mill-pjan tas-Salvazzjoni?
- Ma nibżgħux mill-mumenti iebsa. Qabel qalu IVA, Marija u Ġużeppi kienu mħawda.
.
Id-Djalogu
Mulej Ġesù, għallimni nirbaħ il-biża’ u ngħidlek IVA kuljum.