IL-BXARA T-TAJBA WASLET – It-3 Ħadd tal-Avvent, Sena A – 15 ta’ Diċembru 2019
It-3 Ħadd ta’ l-Avvent
IL-BXARA T-TAJBA WASLET
Isaija 35:1-6a,10; Salm 145; Ġakbu 5:7-10, Mattew 11:2-11
Il-Vanġelu
Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub:
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.
Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Il-ferħ tal-ħelsien mill-jasar tad-deżert hija t-tema ċentrali ta’ l-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-ktieb tal-Profeta Isaija. Huwa l-ħelsien li se jikseb għalina l-Messija, f’dan il-Milied. Il-Messija se jfejjaqna mill-ħażen tal-ħajja: huwa għalhekk f’waqtu li fis-Salm Responsorjali ntennu EJJA MULEJ ĦA SSALVANA. Salvazzjoni li se tiġi b’mod speċjali għall-foqra kif itenni San Ġakbu fit-Tieni Qari tal-lum filwaqt li San Mattew fil-Vanġelu jsemmi, kemm ix-xogħol tal-Mulej fit-tħabbira t-tajba kif ukoll il-ħidma ta’ preparazzjoni li wettaq Ġwanni l-Battista.
Il-Ħajja
1. Dan il-Ħadd huwa l-Ħadd ta’ ferħ: kelma ta’ kuraġġ għax l-AĦBAR IT-TAJBA hi fil-qrib.
2. Għax ħabbar din il-Bxara t-Tajba Ġwanni l-Battista qafluh fil-ħabs. Lilek għandhom ċans jaqfluk għax ixxandar il-Bxara t-Tajba?
3. Kemm tassew nifhmu li l-Milied hija l-festa tal-fqir u l-batut? Kemm se tgħin f’dawn il-ġranet lil min hu fil-bżonn?
4. Kemm tassew qed tnaddaf qalbek f’dawn il-ġranet u mhux timliha bi proposti ta’ rigali u xalar bla rażan?
Id-Djalogu
Mulej Ġesù
Grazzi tal-ferħ li trid tiżra’ ġo qalbi
Agħmel li nkun xandár ta’ din l-AĦBAR IT-TAJBA b’għemili.