IDDRITTAW – It-2 Ħadd tal-Avvent – Sena A – 8 ta’ Diċembru 2019
It-2 Ħadd ta’ l-Avvent
IDDRITTAW
Isaija 11:1-10; Salm 71; Rumani 15:4-9; Mattew 3:1-12
Il-Vanġelu
F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’
Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.
Il-Ħsieb
“Ħejju t-triq tal-Mulej. Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.”
Mill-ġdid appell kontra l-aljenazzjoni li tifga fina kull sens ta’ ftuħ għall-Mulej. U hawn hija l-għażla tagħna f’din it-tħejjija. Lesti li niddrittaw it-triq ta’ ħajjitna? Jew għadna mqabbdin ma’ tant kompromessi? X’lesti nitilfu f’din it-tħejjija?
“Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema”, jissuġġerixxi Ġwanni l-Battista.”
Israel kollu għad jinqered, iżda mill-qerda għad tinbet il-fergħa tas-Salvazzjoni – il-Messija li jġib il-bidla totali. Hekk insibu fl-Ewwel Qari tal-lum meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija 11:1-10 u din l-istennija għas-Saltna ta’ Alla tidher fis-Saltna tal-Messija kif insibu fis-Salm 71: “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.” Din il-ġustizzja trid tixgħel fid-dinja permezz tax-xhieda ta’ għaqda fost l-insara. Huwa għalhekk li San Pawl jikteb fis-silta tal-lum mill-Ittra lir-Rumani li l-Messija m’hu monopolju ta’ ħadd. Dan ir-radikaliżmu tat-tħabbira u l-istennija jidher fil-figura u l-kliem ta’ Ġwanni l-Battista fil-Vanġelu ta’ San Mattew. Ġwanni jistqarr li x-xogħol tiegħu huwa biss xogħol ta’ tħejjija.
Il-Ħajja
- Inkomplu l-mixja fl-Avvent b’għażla f’idejna: IRRIDU NINBIDLU?
- X’ser tagħti biex tinbidel?
- Hemm bżonn li f’dan l-Avvent issib mument ta’ deżert. Tirrifletti bis-serjetà fuq x’tip ta’ ħajja qiegħed tgħix.
- Hemm bżonn ta’ DEĊIŻJONI u BIDLA fil-ħajja tagħna.
- Hu fid-deżert li sseħħ il-bidla.
Id-Djalogu
Mulej Ġesù, idħol fid-deżert ta’ qalbi u għinni niddritta l-mogħdijiet.