INQUMU FL-ISTENNIJA – L-1 Ħadd tal-Avvent Sena A – 1 ta’ Diċembru 2019
L-1 Ħadd ta’ l-Avvent
INQUMU FL-ISTENNIJA
Isaija 2,1-5; Salm 121; Rumani 13,11-14; Mattew 24, 37-44
Il-Vanġelu
Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-Bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Mat-Twaqqif tas-Saltna tal-Messija sal-aħħar tad-dinja, Sijon il- Ġdida – il-Knisja tkun għall-attenzjoni mhux tal-Lhud biss iżda tad-dinja kollha. Hekk itenni l-awtur tal-Ktieb tal-Profeta Isaija fl-ewwel silta tal-lum. Il-poplu jkollu x-xewqa li jitgħallem it-triqat u l-mogħdijiet tal-Mulej. Dan il-ferħ ta’ għażla jidher fis-Salm Responsorjali tal-lum meta fis-Salm 121 insibu l-għanja ta’ ferħ: “FRAĦT META QALULI: ‘IMMORRU FID-DAR TAL-MULEJ’. San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel distinzjoni bejn il-lejl li huma l-jiem ta’ ħajjitna u l-jum li huwa t-tieni miġja tal-Mulej. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibu li Ġesù jisħaq fuq x’għandha tkun l-attitudni tagħna b’din l-istennija. Hemm bżonn li nkunu dejjem imħejjija. Quddiem dinja li tipprovdi vanġeli u valuri oħrajn. L-iżball ta’ l-aljenazzjoni jista’ jkun fatali.
Il-Ħajja
- L-AVVENT huwa riflessjoni qabel il-Milied fuq it-tip ta’ ħajja li qegħdin ngħixu?
- X’qed tħejji għal din il-miġja tal-Mulej?
- Kemm tassew qed tipprova tegħleb l-aljenazzjoni tad-dinja biex tiġġedded mal-Mulej?
- Theilard de Chardin kien itenni: “Il-Mulej Ġesù ser jirritorna jekk nistennewh b’tama ħajja.” Kemm verament qed nistennewh il- Mulej?
- Lil min ser nistennew f’dan l-Avvent?
- Kif ser nistennewh?
- Fejn?
Id-Djalogu
Mulej Ġesù, għinna nirbħu l-aljenazzjoni fil-ħajja tagħna biex naslu ħalli nistennewk bi preparazzjoni serja.