Nagħmlu Frott? – Prayer Café: 3 t’Ottubru 2014
Il-parabbola tal-ġebla tax-xewka
F’din it-tielet laqgħa, Fr Charles beda biex qal x’valur għandu li wieħed jirrifletti l-Vanġelu. Huwa qal li wieħed dejjem ikollu linja ta’ direzzjoni li m’intix tipproponija int imma qed jagħtihielek Ġesù. Kompla biex jgħid li f’Malta biss, jintbgħatu mat-tliet miljun SMS kuljum! Uħud li jkunu importanti, uħud inutli jew tal-vizzju iżda xi kultant nitilfu l-messaġġ l-iktar importanti tal-ġurnata li huwa dak li jgħidilna Ġesù. Forsi xi drabi insibuha diffiċli minn fejn wieħed għandu jibda. Fr Charles issuġġerixxa li wieħed jista’ jibda mill-Vanġelu tal-ġurnata, li tista’ ssejjaħlu l-SMS li Ġesù jibgħatilna kuljum biex ninbidlu u niġġeddu. Jekk aħna nagħmlu ftit riflessjoni kuljum fuq il-Vanġelu tal-ġurnata jkun diġà progress f’ħajjitna, għalkemm mhux dejjem huwa faċli biex tifhmu jew tinterpretah. Nhar ta’ Ħadd, li huwa Jum il-Mulej, Ġesù jagħtina messaġġ qawwi għal matul il-ġimgħa. Il-laqgħat tal-Prayer Cafè isiru biex naqsmu esperjenzi ħajja tal-Fidi tagħna u biex dak li nitgħallmu ngħadduh lil oħrajn.
Wara li nqara l-Evanġelju skont San Mattew (21: 33-43) Fr Charles qal li l-għalqa tad-dwieli kienet xi ħaġa komuni ħafna għall-poplu ta’ Iżrael u fil-fatt dan it-terminu jintuża mill-profeti u mill-kittieba tal-Iskrittura tal-Kotba Sagri u fl-Evanġelji, mija u għoxrin darba. L-għalqa tad-dwieli tirreferi għall-poplu Lhudi, li Alla tant ħabb u għożż, li ħejjilhom kollox biex jagħmlu frott u frott bil-kotra: “l-għalqa għażaqha, naddafha miż-żrar u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar, bena torri f’nofsa u ħaffer magħsar fiha”. Dan nistgħu nqabbluh mal-ħajja tagħna ta’ kuljum fejn il-Mulej tagħna kollox biex nkunu nistgħu nikbru fl-imħabba lejH u għalhekk jistenna l-frott minna. Dan ifisser li Alla jistenna li twettaq il-proġett Tiegħu f’ħajtek: inti x’inti, importanti li twettaq ir-rieda t’Alla f’ħajtek. Alla qed jagħtina kull għajnuna biex inwettqu dan għalkemm xi kultant ikun hawn min jiddubita minn din l-għajnuna u jaħseb li Alla nesih.
Id-dwieli ma jiswew għal xejn ħlief għall-frott li jagħtu. L-injam u l-friegħi tad-dwieli huma tajbin biss għal ħruq jekk ma jagħmlux frott u għalhekk dielja mingħajr frott hi bla sens. Hekk hi bla sens il-ħajja tagħna jekk ma naħdmux għal Alla. Ma jfissirx li noqgħodu l-ħin kollu bil-Bibbja f’idejna għax anke x-xogħol li nagħmlu hu tajjeb daqs il-Bibbja. L-importanti kif nagħmlu dan ix-xogħol: mhux moħħna kif nilħqu salib in-nies imma biex ngħinuhom jerfgħu s-salib.
Fr Charles qal li importanti li nagħtu każ tal-profeti li l-Mulej jibgħatilna. L-aħħar profeta fl-Antik Testment kien San Ġwann il-Battista li qatgħulu rasu għax kixef il-maskri: l-ipokresija tas-soċjetà. Fl-1992 f’Palermo, Don Pino Puglisi, illum Beatu, kien maqtul mill-mafja għax kien jiġbor it-tfal biex jedukhom u jurihom x’inhuma l-valuri. Huwa baqa’ jippersisti avolja kienu jagħmlulu minn kollox biex ma jkomplix. L-istess aħna għandna nippersistu meta nkunu qed inwettqu xi proġett għal Alla, minkejja li nħossu lil Satana qed jipprova jkissirna, m’għandnix nċedu u nitkaxkru mall-kurrent. Kultant aħna stess nistgħu nkunu l-profeti per eżempju fuq il-post tax-xogħol. Aħna għandna nkunu l-ġebla tax-xewka, dik il-ġebla li torbot il-bini kollu flimkien. Nagħtu eżempju b’dak li ngħidu u b’dak li nagħmlu.
Imbagħad infetħet id-diskussjoni fuq dawn il-mistoqsijiet:
- Qatt ħsibna li aħna wkoll dwieli fl-għalqa tal-Mulej?
- Bħala parti mid-dwieli ta’ Kristu, fil-komunità u fil-Knisja, x’tip ta’ frott qegħdin nagħtu?
- Qegħdin inħeġġu nies ġodda isiru parti mill-komunità tagħna?
- Kemm vokazzjonijiet ġodda nibtu f’dawn l-aħħar għoxrin sena?
- Aħna dwieli fl-għalqa tal-Mulej?
Minn fost in-nies li kien preżenti issemmew dawn il-punti:
- Li aħna qegħdin fl-għalqa tal-Mulej bil-ferħ imma fiha x-xewk ukoll
- Aħna mimlijin bi problemi u inkwiet f’ħajjitna, iżda meta niffaċjawhom bil-għajnuna tal-Mulej, il-problemi jieħdu xgħira differenti
- Intqal li kif qed itenni Papa Franġisku, il-problemi ta’ madwarna speċjalment dawk tal-familja, jintgħelbu biss bit-talb u s sagrifiċċju.
- Kemm hu importanti li jekk fil-ħajja hemm xi ħaġa importanti li rridu naslu għaliha hija biss bit-talb u s-sawm.
- Kemm hu importanti li nfittxu lil xulxin għat-talb.
- Kemm hu importanti li qatt ma ninqatgħu minn mad-dielja.
- Kemm hija importanti r-responsabbiltà tal-ġenituri biex fil-familja jitolbu flimkien.
Il-laqgħa li jmiss issir nhar il-ġimgħa 10 t’Ottubru 2014. Narawkom hemm.