JA WIĊĊ B’IEĦOR – Id-29 Ħadd Matul is-Sena A – 22 t’Ottubru 2023

JA WIĊĊ B’IEĦOR – Id-29 Ħadd Matul is-Sena A – 22 t’Ottubru 2023

October 11, 2023
0

Id-29 Ħadd Matul is-Sena

JA WIĊĊ B’IEĦOR

Isaija 45,1, 4-6; Salm 95; Tessalonkin 1, 1-3b; Mattew 22: 15-21

Il-Vanġelu

Mbagħad il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma.   U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb  is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares.  Għidilna ħaġa, mela: ‘Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”  Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tat-taxxa.” Wrewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” Qalulu: “Ta’ Ċesari!” Mbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”

005_Tiberius

Il-Ħsieb

agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla
Il-kompromessi li nagħmlu kull ħin fil-ħajja tagħna ħafna drabi jwassluna biex nippruvaw inġarrbu anki lil Alla.  Nippruvaw inraqqdu wkoll il-kuxjenza tagħna.  Il-każ tal-ħlas tat-taxxi, li permezz tiegħu l-Fariżej ippruvaw jonsbu lil Ġesù, m’huwiex xi każ iżolat, iżda każ li kontinwament nagħmlu bħalu lkoll kemm aħna meta nkunu nafu li qed inwettqu l-ħażin waqt li nippruvaw insibu ġustifikazzjoni għal dak il-ħażin.  Ma nsellimx għax ma jsellmulix, nisraq mix-xogħol għax kulħadd jagħmel hekk, eċċ.

Ġesù jobgħod dan il-logħob bil-kliem u dan l-insib u għalhekk jitkellem ċar.  Agħtu lill-Istat dak li huwa ta’ l-Istat… iżda agħtu wkoll lil Alla dak li huwa ta’ Alla u fil-fehma tiegħi t-tieni parti hija aktar iebsa għaliex l-Istat jiġri warajk bil-liġi li jekk ma tobdix tbati l-konsegwenzi, iżda Ġesù jrid li l-għażliet tagħna nagħmluhom fil-libertà.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, iħabbar li wara l-eżilju kiefer tal-poplu f’Babel Alla kien se jikseb il-ħelsien permezz ta’ Ċiru Sultan tal-Persja.  L-assigurazzjoni li jagħti l-Mulej hija ċara:  “Jien il-Mulej u ma hemm ħadd ħliefi.”  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 95, huwa innu ta’ tifħir lill-Mulej għal dak li għamel magħna.  Fit-Tieni Qari tal-lum San Pawl, fl-Ewwel Ittra tiegħu lit-Tessalonkin, isejjaħ KNISJA lill-Ewwel Insara tat-Tessalonika għaliex huma magħqudin fil-qawwa tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Fil-Vanġelu tal-lum nassistu għal nasba li l-għedewwa ta’ Ġesù għamlulu biex jaraw jekk għandhomx iħallsu t-taxxa lil Ċesare.  Ġesù jtenni kif għandha tkun l-imġieba tan-nisrani quddien is-setgħa ċivili.

Il-Ħajja
  1. In-Nisrani jrid joqgħod għas-setgħa ċivili u jaqdi dmiru bħala ċittadin onest.
  2. Iżda fuq kollox irid jara li jaqdi dmiru bħala Nisrani fil-qadi tar-rieda ta’ Alla.
  3. L-impenn Kristjan fis-soċjetà għandu jkun il-missjoni ewlenija tan-Nisrani.
Id-Djalogu

Mulej, għallimni nagħraf ngħix ta’ nisrani

u ċittadin tajjeb u onest.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.