JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT – Il-5 Ħadd tar-Randan [B] – 17 ta’ Marzu 2024

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT – Il-5 Ħadd tar-Randan [B] – 17 ta’ Marzu 2024

March 6, 2024

Il-5 Ħadd tar-Randan [Sena B]

JEKK TMUT, TAGĦMEL IL-FROTT

Ġeremija 31:31-34;  Salm 50;  Lhud 5:7-9; Ġwanni 12:20-33

Il-Vanġelu

     Fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.” Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.  Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.

 “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.  Missier, agħti glorja lil ismek.” Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah.” In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom.  Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

 

Il-Ħsieb

     “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħedha; imma jekk tmut tagħmel ħafna frott.”  Dan kliem Ġesù.  Kliem iebes.  Kliem li jitlob mhux biss li nifhmu b’liema mħabba ħabbna Hu, iżda wkoll fuq liema kriterju rridu nfasslu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Kontinwament irridu mmutu aħna biex jidher hu fl-għemil tagħna.  Kontinwament irrid niċkien jien biex jikber aktar Kristu fl-għemil tiegħi.  Kontinwament irridu noqtlu l-egoiżmu tagħna biex toħroġ fil-beraħ it-tjubija u l-imħabba li permezz tagħna l-Mulej jista’ jwassal lejn ħaddieħor.  Aktar ma nersqu lejn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nifhmu li l-imħabba li biha ħabbna l-Mulej Ġesù hija mħabba mingħajr limiti.  Kien Alla, niżel magħna biex jifdina, fejjaq, qajjem mill-mewt, ippriedka mingħajr waqfien u aħna…. ċħadnieh, qtilnieh.  Il-Mulej meta jintrefa’ mill-art se jiġbidna lkoll lejh bis-salvazzjoni li se jagħtina.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija fejn insibu li l-poplu Lhudi kiser il-patt li l-Mulej kien għamel ma’ Mosè u issa jinsab f’Babel eżiljat.  F’din is-silta Alla jrid ifarraġ u jnissel fil-poplu t-tama tal-ħelsien.  Is-Salm Responsorjali huwa talba lill-Mulej biex joħloq fina qalb safja.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lil-Lhud naraw lil Ġesù bħala l-Qassis li qed jitlob f’mument ta’ dieqa iżda joqgħod għar-rieda tal-Missier.  Fil-Vanġelu nsibu silta mill-Vanġelu ta’ San Ġwann fejn Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-ħabba tal-qamħ li tmut biex tagħti l-frott.

Il-Ħajja
  1. Kemm fil-ħajja tagħna qegħdin immewtu l-egoiżmu u d-difetti tagħna biex jitwieled fina l-bniedem il-ġdid?
  2. Kemm tassew inħossu li l-mewt li bata Kristu kienet immirata lejn il-qalb tagħna biex bih issalva?
  3. Kemm qed nerfgħu s-salib tagħna KULJUM, mingħajr tgemgim?
  4. F’dawn l-aħħar jiem tar-Randan kapaċi nitlob u nsum aktar biex nissaffa mill-vizzji ta’ ħajti?
Id-Djalogu

  Mulej, għinni nagħraf kull ħin

  it-tbatija li int batejt għalija,

  biex tfejjaq lili biha

  Għinni nagħraf aħjar

  niċkien jien u tikber int.