Rikonċiljazzjoni – Prayer Cafè – 11 ta’ Marzu 2016
Il-5 Ħadd tar-Randan: Ġwanni 8: 1-11.
Din hija waħda mill-isbaħ siltiet tal-Evanġelju; hija tgħaqqad l-Antik mal-Ġdid Testment. Hemm bżonn napprezzaw il-Kelma ta’ Alla li nsibu fl-Evanġelju. Għall-kuntrarju tal-insara Kattoliċi, dawk l-insara kif inhuma msejħa Protestanti jagħti importanza kbira għall-Kelma t’Alla fil-Bibbja. Forsi l-iżball tagħhom huwa li joqogħdu biss fuq il-Kelma t’Alla u jitilfu l-importanza tal-Ewkaristija. Il-Kattoliċi min-naħa l-oħra jagħtu mportanza kbira lill-Ewkaristija u hekk għandu jkun, però jagħtu ftit li xejn importanza għall-Kelma t’Alla li qiegħda hemm biex tmexxi l-ħajja tagħna.
F’din is-silta nsibu li kien mar il-poplu kollu. Il-Fariżej ħadu quddiem Ġesù mara li nqabdet tiżni fil-fatt. Il-Fariżej għamlu hekk bħala nassa kontra Ġesù għaliex il-liġi tal-Lhud kienet tgħid li suppost kellu jitla’ wkoll quddiem il-liġi r-raġel li kien magħha. Skont il-liġi tagħhom kien proprju dan ix-xhud, żewġ xhieda proprjament li kellhom jitfgħu l-ewwel ġebel lejn din il-mara meta tinstab ħatja.
Ġesù miel u beda jikteb b’sebgħu fit-trab filwaqt li qalilhom li min minnhom m’għandu l-ebda dnub seta’ jitfa’ l-ewwel ġebla. Issa min-nies kollha preżenti, kien Ġesù biss li kellu s-setgħa iħaġġarha għaliex hu kien bla dnub. Ġesù ma jitfax il-ġebel lil din il-mara għaliex dan il-każ sar ftit qabel ma Ġesù miet. Id-dejn tagħha kien għalhekk se jħallsu hu b’demmu stess. Hu kien qiegħed jaċċetta fuqu d-dnub tagħha. Anke aħna għalhekk ma niġux ikkastigati f’din id-dinja; għaliex Ġesù diġà feda d-dejn tagħna. Il-ħniena t’Alla hija għall-midneb u mhux għad-dnub. Ġesù għalhekk iħallas id-djun tagħna, mill-bidu sal-aħħar. Alla jinsa d-dnubiet tagħna għal kollox meta jaħfrilna d-dnubiet tagħna.
Meta Kristu Rxoxt iltaqa’ mal-appostli, huwa tahom l-Ispirtu s-Santu u l-paċi; imma eżżattament wara jagħtina r-rigal tal-Qrar, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Din hija l-laqgħa ta’ ferħ tagħna ma’ Alla. Kollox jiddependi jekk fil-prova tal-ħajja tagħna ħabbejniex u jekk ħfirniex lil ħaddieħor. Fil-parabbola tal-iben il-ħali il-missier kien qiegħed jistennieh jiġi. Xtaq lil missieru mejjet għaliex ried il-wirt tiegħu. Imma l-missier ġera lejn it-tifel meta dan ġie biex jitolbu maħfra. Il-missier bies lill-iben, jiġifieri nesa kollox; tah iċ-ċurkett u l-libsa, jiġifieri issa ma kienx għadu skjav. Meta naqbdu t-triq t’Alla aħna nħossuna kuntenti u hienja; hienja ħafna aktar minn meta naqbdu t-triq tal-ħażen u għal ftit mumenti nħossuna liberi u komdi.
Jekk it-tbatija tagħna ngħaqqduha ma’ dik ta’ Kristu, ma nkunux qegħdin naħlu din it-tbatija. Meta persuna ma tgergirx iżżejjed u taċċetta s-salib tagħha u ma tħallihiex tkissrek billi tgħaqqadha ma’ Kristu msallab; it-tisfija tal-purgatorju tibda minn din id-dinja.
Il-ġudizzji jgerrxu n-nies mill-Knisja u minn Ġesù. Il-ġebel li kienu se jitfgħu lil din il-mara huma dawn il-ġudizzji li aħna nistgħu nagħmlu. Taħlix ħin tiġġudika jew tgħid fuq in-nies.
Bħala konklużjoni nistgħu għalhekk ngħidu li Alla ma jgħajjiex jaħfer. Aħna rridu però ma naqtgħux qalbna mill-maħfra ta’ Alla u nitolbuhielu. Il-ħajja tagħna hija battalja waħda, l-importanti huwa li niġġieldu sal-aħħar u nerġgħu nersqu lejn Alla bis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni anke meta bħala bnedmin nerġgħu naqgħu ghal ħafna aktar minn darba.