Fil-bidu tal-laqgħa inqara il-Vanġelu tal-Ħadd li ġej, li hu l-Ħames Ħadd tar-Randan, mill-Evanġelju ta’ San Ġwann 12:20-33. Wara, il-Vanġelu ġie spjegat biċċa biċċa.
Fil-bidu tal-Vanġelu jissemmew il-Griegi. Meta qiegħed jirreferi għall-Griegi, l-evanġelista qiegħed jirreferi għall-pagani; dawk li ma kienux Lhud. Dawn marru jfittxu lill-Ġesù għax probabbli semgħu biH. Dawn staqsew lil Filipu: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.”
L-ewwel riflessjoni minn din il-parti hi li l-fatt li ssemmew il-Griegi – għax dan ifisser li Ġesù ġie għal kulħadd u mhux għal-Lhud biss.
Jekk xi ħadd qiegħed ifittex lil Ġesù, se jarah fina? Xi kultant meta nies ikunu jafu li aħna Nsara impenjati jiġu għandna bħalma l-Griegi marru għand Filippu. Dawk li jiġu għandna x’se jsibu? Hemm min josserva lilna l-Insara biex jara ngħixux skont dak li ngħidu li aħna – Insara. Fil-fatt, kultant tisma frażijiet bħal: “Basta jmorru jitqarbnu” u espressjonijiet bħal dawn. Xi kultant veru li aħna bħala nsara ma nġibux ruħna skont it-tagħlim ta’ Kristu; u dan anke fl-affarijiet ta’ kuljum, bħal meta xi ħadd ikollu bżonn l-għajnuna tagħna, anke f’affarijiet żgħar u aħna ma ntuhielux; jew meta ngħidu fuq in-nies minn wara darhom. Jekk aħna Nsara suppost min jiġi jfittex lil Ġesù, għandu jsibu fina, imma kultant aħna ma nwettqux dak li nippriedkaw u b’hekk min ifittex ma jkunx jista jara lil Ġesù fina. Dan bħal meta Ghandi qal: “I like your Christ, I do not like your Christians. Your Christians are so unlike your Christ.” Dan ifisser li Ghandi ma riedx jikkonverti għal nisrani għax ma kienx jara eżempju tajjeb fl-Insara. Jekk xi ħadd ikollu ċans jikkonverti, jista’ jkun li aħna ntellfuh minn dan minħabba l-eżempju tagħna.
Filippu mar jgħid lil Indrì dwar il-Griegi , u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. Ġesù qalilhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” [Ġw:12:23-24]
Għalkemm l-appostli probabbli ma fehmu xejn, Ġesù kien qiegħed jitkellem dwaru nniffsu u fl-istess ħin kien qed jippreparahom, għax kien jaf li dak li emmnu fih kien ser jikrolla quddiemhom.
Wara Ġesù jgħid: “Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem.” [Ġw:12:25]
Hawnhekk Ġesù (u l-Knisja llum) ma kienx qiegħed jgħid li għandna narmu ħajjitna u m’għandniex nieħdu ħsiebha. Anzi, aħna obbligati li nieħdu ħsieb ħajjitna, però min-naħa l-oħra m’għandniex nħossuna qisna ankrati ma’ din id-dinja. Waqt li ngħożżu ħajjitna rridu nifmhu li dak li nagħmlu m’għandniex nagħmluh għal din il-ħajja imma għall-ħajja li jmiss.
Ġesù jkompli: “Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi.” [Ġw:12:26]
Il-qadi dejjem kien parti mportanti mill-missjoni ta’ Ġesù (eż: il-ħasil tas-saqajn f’Ħamis ix-xirka). Darba saċerdot qal li wieħed mill-aħjar modi biex tmur il-ġenna hu li tkun mizżewweġ u jkollok familja. Dan għaliex meta wieħed jgħix sew il-ħajja miżżewġa, hu (jew hi) jagħti ħajtu għall-mara (jew għar-raġel) u imbagħad għat-tfal. Għalhekk inti tkun qiegħed tmewwet il-bżonnijiet tiegħek (u allura lilek innifsek) biex tpoġġi l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor qabel tiegħek. Bl-istess mod Ġesù qiegħed jgħid li aħna għandna nagħtu lilna nfusna għall-bżonnijiet tal-oħrajn u għalhekk “immutu” għalina nfusna.
Ġesù jgħid ukoll: “Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ” [Ġw:12:26].
Jekk tifli dawn il-kliem naraw li hawnhekk Ġesù qiegħed jgħid xi ħaġa li tal-għaġeb: li Alla jagħti gieħ lilna u mhux aħna nagħtu gieħ lilu; dejjem jekk ngħixu skont dak li qiegħed jgħid Hu.
Fil-vers li jmiss Ġesù jgħid: “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid?” [Ġw:12:27].
Huwa mument ieħor fejn Ġesù ħassu mħawwad. Ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid. Jekk anke Ġesù ħassu mħawwad u ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid, kemm iktar aħna fiċ-ċokon tagħna kultant nitħawdu.
Aħna kultant ma nafux nitolbu mingħajr kliem. Fuq ir-radju ġieli tisma’ nies jgħidu “itlobli” għal xi ħadd viċin, “biex forsi, jaħasra, Alla jismagħni”. Dan juri li aħna ma nifhmux li Alla jismagħna dejjem. Dik hi l-fidi: li nintelqu kompletament f’idejn Alla.
Hawnhekk ingħadet storja ta’ grupp seminaristi li qalulhom biex ma jomgħodux chewing gum waqt li jitolbu. Seminarista minnhom saqsa jekk jistgħux jitolbu waqt li jkunu qed jomgħodu ċ-chewing gum, u r-risposta kienet fl-affermattiv. Dan jurina li l-ħajja tagħna tista’ tkun talba sħiħa, dejjem jekk qalbna u moħħna jkunu mal-Mulej.
Hemm ħafna modi kif nitobu. Anke Ġesù talab ħafna. Fit-tieni qari ta’ nhar il-Ħadd [Lhud:5:7-9] nsibu: “Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt.” Supplika tfisser titkarrab, u dan ifisser li Ġesù ma talabx biss, imma għamel iktar: tkarrab lil Alla, lil Missieru.
Il-Vanġelu jkompli: “U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa” [Ġw:12:27].
Din torbotna mat-tema tat-tbatija. Ħafna drabi aħna nitolbu fiż-żmien tal-prova, fiż-żmien tat-tbatija. Fil-ħajja tagħna ikollna mumenti differenti: mumenti ta’ tbatija u oħrajn ta’ ferħ. Bħal Kristu ma nagħmlux ħażin li nitobu fil-mumenti tat-tbatija, iżda irridu nirsistu u naħdmu biex ħajjitna kollha tkun talba, anke l-mumenti ta’ ferħ u mhux meta nbatu biss. Ġesù kien jaf minn xiex se jgħaddi u li ma setax jeħles minn dak li kien se jiġrilu, imma xorta tfixkel u tħawwad, u talab lill-Missier. Fil-mumenti ta’ prova f’ħajjitna, aħna għandna nagħmlu l-istess anke jekk nafu li xorta rridu ngħaddu mit-tbatija. Ġesù jgħid “x’se naqbad ngħid?”. Kien mitluf.
Bħala nsara aħna nistgħu nitolbu bi tlett modi:
- Talb tal-kliem
- Talb ta’ Meditazzjoni (bħall-Lectio divina)
- Talb ta’ Kontemplazzjoni (bħal meta nikkontemplaw in-natura jew is-salib)
Meta tikkontempla tkun qiegħed taħseb dwar pereżempju meta tara xena sabiħa (bħax-xemx nieżla). Dan kulħadd jista jagħmlu, però aħna li nafu u nemmnu li dik ħoloqha Alla nistgħu naħsbu dwarha bħala ħolqien ta’ Alla u nħallu lil Alla jkellimna permezz tagħha.
Ġesù dawn ipprattikom kollha: talab bil-kliem, talab bil-meditazzjoni (40 jum fid-deżert) u kien jikkontempla ukoll (il-kobor t’Alla).
Aħna kultant ma nħallux lilna nfusna nikkontemplaw għax nibdew naħsbu f’kollox barra f’dak li nkunu rridu naħsbu fuqu.
Ġesù qal “X’se naqbad ngħid?”. Bl-istess mod meta aħna nkunu qegħdin nisimgħu lil xi ħadd ikellimna dwar il-problema tiegħu, nibdew naħsbu “X’se naqbad ngħid?”. F’mumenti bħal dawn m’għandna ngħidu xejn imma għandna nitgħallmu nisimgħu lil dak li jkun. Aħjar ma ngħidu xejn milli ngħidu ħmerija. Dejjem għandna niftakkru li Ġesù ukoll qal: “X’se naqbad ngħid?”. U jekk noffru t-talb tagħna, għandna nżommu l-kelma tagħna.
Ġesù jgħid ukoll: “Missier, agħti glorja lil ismek” [Ġw:12:28].
Hawnhekk naraw ukoll li f’mumenti diffiċli Ġesù dar lejn Alla u gglorifikah. X’kuntrast mad-dagħa, li ġieli jingħad għal kull ħaġa ta’ xejn! Din hija xi ħaġa kerha ħafna u sfortunatament kultant nisimgħu anke tfal jidgħu. Dan huwa kuntrast kbir ma’ dak li għamel Ġesu fejn fl-iktar mument diffiċli tiegħu, flok seħet dak li kellu jgħaddi minnu bħalma nagħmlu aħna, igglorifika l-isem t’Alla.
Il-laqgħa spiċċat bit-talba tal-Missierna. Il-laqgħa li jmiss ser tkun nhar il-Ġimgħa 10 ta’ April.