ABBUŻ MILL-ĦNIENA TA’ ALLA? IT-3 ĦADD TAR-RANDAN – 28 TA’ FRAR 2016
Il-laqgħa bdiet bil qari tal-Vanġelu skond San Luqa, Kapitlu 13, versi 1 – 9
Dan il-vanġelu jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti titratta fuq żewġ disgrazzji: it-taħlit ta’ demm Lhudi mad-demm tal-offerti lill-allat, u l-mewt ta’ tmintax-il raġel meta waqgħa t-torri ta’ Silwe. Kien hemm min beda jistaqsi jekk dawn id-disgrazzji seħħewx minħabba li dawk in-nies, jew l-antenati tagħhom, kienux dinbu. Ġesu’ qal li ma jfissirx hekk. Hu jagħmlilna stedina – jekk aħna ma nindmux, ninqerdu agħar minn dawn.
Aħna ħafna drabi norbtu r-relazzjoni tagħna m’Alla fuq relazzjoni daqsxejn infantili – jekk nagħmel it-tajjeb, itini l-premju, u jekk nidneb jikkastigani. Din kienet l-attitudni fl-Antik Testment, u anke fi żmien Ġesu’. ‘Aħna wkoll, wara elfejn sena, għadna nirraġunaw hekk. Meta xi ħadd jgħaddi minn disgrazzja issib min jgħid “Laħqu Alla” jew “Iva x’għamilt biex ġrali hekk?”. Jekk ngħidu li Alla jieħu gost bl-għawġ jew jixtieqilna d-deni nkunu qed niżbaljaw bl-ikrah. Jekk Alla jitlob minna li ngħinu u nħennu, imbagħad Hu, li ta ħajtu għalina, ser jixtieqilna d-deni? Mela għalfejn jiġri dan kollu?
L-għawġ, il-mard, id-disgrazzji, etċ, huma konsegwenzi tad-dnub oriġinali. Meta l-bniedem daq il-ħażen, daħal dan kollu fid-dinja. Alla ma jridhomx dawn. Tant hu hekk li għadda l-biċċa l-kbira tal-ħajja tiegħu pubblika jfejjaq u jkeċċi x-xjaten. Allura la Alla hu omnipotenti, ma jistgħax jagħmel xi ħaġa? Alla jippermetti dan kollu għax minnhom irid joħroġ xi haġa ta’ ġid, jekk aħna ngħixu dawn iċ-ċirkostanzi kif irid Hu. Nieħdu l-mard. Il-marid għandu ċans jitgħallem ma jorbotx qalbu ma’ din id-dinja, japprezza dak li veru hu ta’ valur, japprezza iktar il-ħajja, jafda ruħu f’idejn Alla, u jħossu jiddependi iktar fuq il-ħniena t’Alla. għall-qraba tiegħu, dawn jitgħallmu jieħdu ħsieb u jduru bil-marid u jikru aktar fl-imħabba lejn min qed ibati.
Waqt il-mard, u kull inkwiet ieħor, għandna nitolbu hekk: l-ewwel nitlob għall-qawwa biex naffronta din id-diffikulta; it-tieni nitlob biex jgħini u jdawwalli moħħi biex nagħraf x’ġid nista’ noħroġ minn dan il-għawġ; it-tielet nitlob bex jekk hu ta’ ġid għalija jeħlisni minn dan kollu. Din hi l-konverżjoni li qed jitlob minna Ġesu’. Nikkonvertu jfisser ma nħallux l-għawġ ikissirna, imma nħallu lil Ġesu’ jkisser l-għawġ. M’humiex il-problemi li jkissruna, imma l-mod kif nirreaġixxu għalihom. Irridu nagħmlu din il-konverżjoni biex ngħixu dan kollu fid-dawl t’Alla, għax Hu ħareġ rebbieħ fuq il-ħażen. Aħna rridu nilqgħu lil ġesu’ fil-qalb tagħna biex Hu jirbaħ il-ħażen fil-ħajja tagħna. L-għawġ ħafna drabi hu ikbar minna, imma Alla hu ikbar minn kull għawġ.
It-tieni parti tal-vanġelu hi r-rakkont tal-parabbola tas-siġra tat-tin. Ġesu’ qed iqabbel il-poplu ma’ din is-siġra. Alla jiżra’ l-Kelma Tiegħu fil-qalb tagħna biex minna joħorġu opri ta’ ġustizzja, opri ta’ ħniena, u opri ta’ mħabba. Dawn imorru flimkien. M’hemmx waħda mingħajr l-oħra. Il-ġustizzja hi li nagħti lill-oħrajn dak li hu tagħhom. L-imħabba hi li nagħti minn dak li hu tiegħi lill-oħrajn, għall-ġid tagħhom. M’hemmx imħabba jekk m’hemmx ġustizzja. Il-ħniena hi li nħoss għall-ieħor – mhux nitħassru (pity), imma li nħoss il-ħtiġijiet tiegħu daqs li kieku huma tiegħi u nwieġeb għalihom (mercy). Il-ħniena twassalna għall-imħabba. Dawn it-tlieta huma l-frott li jrid ġesu’. Alla jfittex minn kull wieħed minna dak li jiżra’. Alla jrid li fiċ-ċokon tagħna nagħmlu l-parti tagħna. Naċċettaw il-konverżjoni biex meta Alla jfittex il-frott, isib.
Wara din l-ispjega kien hemm ftit ħin għall-mistoqsijiet.
Hawnhekk saret riferenza għall-inklużjoni soċjali, li tfisser li naċċettaw lill-kulħadd fiċ-ċrieki tagħna. Bħala nsara, aħna fid-dmir li ngħixu l-inklużjoni soċjali. Ma jfissirx li biex nagħmlu hekk irid ikun hemm inklużjoni ekkleżjali. Nies li koxjentament ma jridux jgħixu l-ħajja nisranija, ma jistgħux jipparteċipaw fil-ħajja sagramentali, sakemm ma jindmux u jibdlu ħajjithom. Aħna lkoll midinbin u qegħdin f’mixja ta’ konverżjoni. Fil-knisja hemm post għal kull midneb b’kundizzjoni li jindem, anke jekk jerġa jaqa’, u li għandu r-rieda li jgħix il-ħajja nisranija. Kulħadd għandu ċ-ċans li jimxi l-mixja tiegħu.
Saret riferenza wkoll għall-Magħmudija. Din għandha tingħata jekk hemm il-kundizzjoni meħtieġa, jiġifieri, li t-tfal jitrabbew f’ambjent li jgħinhom jikbru fil-ħajja nisranija.
Il-laqgħa għalqet bil-kwotazzjoni ta’ Mahatma Gandhi:
“The future depends on what you do today”
Ġesu’ jgħidilna “Jekk ma tindmux, tintilfu”