LESTI GĦAL ĠLIEDA! – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 14 t’Awwissu 2016

LESTI GĦAL ĠLIEDA! – L-20 Ħadd Matul is-Sena – 14 t’Awwissu 2016

August 9, 2016

L-20 Ħadd Matul is-Sena

LESTI GĦAL ĠLIEDA!

Ġeremija 38: 4-10; Salm 39;  Lhud 12 :1-4; Luqa 12:49-53

Il-Ħsieb

     “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!  Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!  Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;  għax mil-lum ‘il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;  jinfirdu l-missier kontra  l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”

 

Il-Ħsieb

     “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad.”  Huwa l-kliem ta’ Ġesù, kliem li juri li rridu nkunu lesti għal ġlieda kbira magħna nfusna u kontra l-kurrenti li jdawruna.  Kliem li juri li tgħix ma’ Ġesù jfisser li tkun sinjal ta’ kontradizzjoni, li trid tmur kontra l-għażliet egoistiċi tiegħek, li trid tinqata’ minn ħafna affarijiet ta’ din id-dinja u tagħti l-ewwel post fil-ħajja tiegħek lil Alla.  Ġesù ġie fid-dinja b’messaġġ ċar u biex jagħtina viżjoni ċara lejn fejn nindirizzaw il-mod ta’ ħajja tagħna.  Huwa għalhekk li ħafna minna jridu jkunu ħajjin fil-fidi tagħhom, fl-azzjonijiet li jwettqu kuljum.  Ġesù juri li tkun miegħu jfisser li tiġġieled battalja kuljum kontra l-kurrenti ta’ madwarna.

Il-Kelma

     L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, juri li fil-qadi tal-missjoni tiegħu l-Profeta kellu jkun sinjal ta’ kontradizzjoni; in-nies ma jifhmuhx u jkollu jħallas għall-verità li kien qed jippriedka.  Is-Salm 39 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jurina iżda li l-Mulej qatt m’hu se jħallina waħedna u għalhekk:  “Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej, u miel lejja u sema’ l-għajta tiegħi.”  Fit-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lil-Lhud, l-awtur iħeġġiġna biex nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu.  Iġib l-eżempju ta’ tellieqa.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, għandna x-xewqa ta’ Ġesù li jsaffi bin-nar dak li l-bniedem ikun akkumula bid-dnub.  It-tieni parti turi l-isfida li għaliha jrid jidħol il-bniedem kemm-il darba jkollu jagħżel ħajja ġdida.

 

Il-Ħajja

  1. Il-ħajja tiegħek hija sinjal ta’ kontradizzjoni għal dawk ta’ madwarek għall-mod kif tgħix il-fidi tiegħek?
  2. Tirrifletti kemm tassew qed tgħix bħall-oħrajn għax tinġarr mill-kurrent, jew bħal Kristu: tgħix għall-oħrajn permezz tal-fidi bbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù li huwa nar iħeġġeġ kuljum?
  3. Inti lest għall-ġlieda kontra tiegħek innfisek u kontra l-kurrenti ta’ madwarek?
  4. Kemm tassew qed tħoss li, bħala nisrani, inti trid taħdem għall-verità fuq it-tagħlim ta’ Ġesù?
  5. F’dan is-sajf il-fidi tiegħek marret ukoll il-baħar?

Id-Djalogu

  Mulej,

  għinni biex jiena wkoll

  inqabbad in-nar ta’ mħabbtek

  fl-ambjent tiegħi.