Agħtuhom intom x’jieklu – Prayer Cafè – 11 ta’ Novembru 2016
Taħdita minn Fr. Joseph Bonnici
Il-laqgħa bdiet bil-qari tal-vanġelu skond San Luqa, kapitlu 16, versi 1 – 13: l-amministratur diżonest. F’diversi sitwazzjonijiet, Ġesu’ jitkellem b’mod li narawh stramb, jew ġieli anke niskandalizzaw ruħna. F’din il-ġrajja, Ġesu’ faħħar lill-amministratur diżonest, mhux għall-għemil ħażin tiegħu, imma għal mod kif uża moħħu u ħaddem rasu biex meta jiġi fil-bżonn isib min jgħinu.
Ġesu’ ma jridnix nimxu bħan-nagħaġ ta’ Bendu. Kien iħalli lil kulħadd isaqsih li jrid. La tana moħħ, Alla jridna nħaddmuh, kemm fl-affarijiet materjali, u wisq iżjed f’dawk spiritwali. Kristu jrid nies li jsaqsu. Għalhekk il-Knisja waqqfet l-istudju tat-Teoloġija, u tħeġġeġ l-istudju tal-Filosofija. L-insara jridu jifhmu x’inhuma jemmnu. Irridu naħsbu u nħaddmu rasna biex aktar nifhmu u napprezzaw lil Kristu.
Aspett importanti li żviluppat il-Knisja hu dak soċjali. Ma kenitx titkellem biss fuq il-morali, imma anke fuq il-ħajja tagħna bħala bnedmin. Kristu, meta ġie fostna, ried isalva lill-bniedem sħiħ. Għalhekk Ġesu’ kien jagħmel il-mirakli, biex jagħti mportanza lill-aspett uman, u hekk għamlet il-Knisja sa mill-bidu. Infatti l-ewwel ħidmiet soċjali fid-dinja kienu inizzjattivi tagħha.
L-espressjoni ta’ Ġesu’ fit-tkattir tal-ħobż: “agħtuhom intom x’jieklu” hi mportanti ħafna għall-Knisja u għalina. Naqraw fl-Atti tal-Appostli kif il-Knisja ordnat id-djakni biex jgħinu lill-foqra u lir-romol. Kienet il-Knisja li waqqfet l-ewwel sptarijiet u skejjel.
Fiż-żmien meta d-dinja bdiet tiġi ndustrijalizzata u bdiet l-ideja tas-soċjaliżmu, il-Papa Ljun XIII ħareġ l-enċiklika Rerum Novarum, li titkellem dwar l-aspett soċjali tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema. Tant kienet importanti li diversi papiet baqgħu ifakkruna fiha. Il-Papa Ġwanni Pawlu II wkoll tkellem dwar il-valur tax-xogħol magħmul mill-bniedem. Fil-Konċilju Vatikan it-Tieni, id-dokument “Il-Knisja fid-Dinja Llum” jitkellem dwar l-aspett soċjali u jagħti mportanza għal dak li qed jiġri fid-dinja tagħna.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-bniedem beda’ jsir iktar iċ-ċentru ta’ kollox. Il-Knisja tkellmet dwar l-importanza tal-bniedem, mhux bħala assolut, imma bħala l-kapolavur t’Alla. Ġesu’ stess kien japprezza lill-bniedem sħiħ: “Biex nurik li nista’ naħfirlek dnubietek, qed ngħidlek qum u imxi”. Biss iċ-ċentru ta’ kollox jibqa’ dejjem Alla.
F’dan id-dokument il-Knisja titkellem ukoll dwar l-ekonomija, l-iżbilanċ, u l-globalizzzazjoni.
Fl-aħħar tal-laqgħa saret mistoqsija dwar l-evoluzzjoni. Jekk insiru mija fil-mija ċerti minn dan – għax għad hemm il-“missing link” – din m’għandiex tkun ta’ problema, għax huwa Alla li jagħti moħħ intelletwali u r-ruħ. F’kull twelid ta’ bniedem hemm il-nifs t’Alla – ir-ruħ.
Il-laqgħa għalqet bil-kwotazzjoni “Let pleasing God become bigger than pleasing people”