Garanzija! – Prayer Cafè – 15 t’April 2016
Il-laqgħa Prayer Cafè tal-Ġimgħa 15 t’April, iffukat fuq il-Vanġelu tar-Raba’ Ħadd tal-Għid jiġifieri is-silta minn kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, versi 27 sa 30. F’dan il-Vanġelu, Ġesù jgħid li hu bħala r-ragħaj tagħna, jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Pero biex insalvaw aħna rridu nibqgħu sodi u nibqgħu mexjin warajh. Dan nistgħu nagħmluh billi npoġġu l-kelma tiegħu fil-prattika. Jekk nisimugħha biss u ma ngħixuhiex ma nistgħux nsalvaw. Il-fatt li nafu li Ġesù se jsalvana, (jekk nimxu warajh) iħallina ngħixu fit-tama, għax wara t-tbatija ta’ din il-ħajja se jkollna qawmien ġdid.
Dan il-ħsieb itina ferħ u sigurta’ f’din il-ħajja. Veru li f’din il-ħajja ġieli nkunu qed ngħixu sitwazzjonijiet diffiċli ħafna pero tajjeb li niftakkru fil-kliem ta’ Kristu stess: “Jien magħkom sal-aħħar taż-żmien”. Għalhekk jekk mmutu fil-grazzja t’Alla nesperjenzaw stat tal-akbar hena, għal dejjem.
Domanda li tqajmet waqt il-laqgħa kienet: jeżisti l-infern? Aħna rridu nimxu mal-katekiżmu tal-knisja u dan jgħid li teżisti l-ġenna u jeżisti l-infern; pero ma għandniex ninsew li hemm il-kompassjoni t’Alla. Is-salib ta’ Kristu huwa garanzija. Id-demm ta’ Kristu itina garanzija li aħna salvi u għandna post fil-ġenna. Aħna nitilfu dan il-post jekk nirrifjutaw din is-salvazzjon jekk nagħmel għażla kontra Alla u naqtgħu qalbna mil-ħniena t’Alla. L-għan ta’ Ġesù hu li aħna mmorru l-ġenna imma mbagħad iħalli l-għażla f’idejna. Fl-istess ħin, aħna ma aħna ħadd biex niġġudikaw min sejjer il-ġenna jew l-infern; dan jista’ jagħmlu Alla biss.
Fl-aħħar mill-aħħar tajjeb niftakkru li Ġesù ġie fid-dinja biex ifittex in-nagħġa l-mitlufa; il-black sheep. Meta Ġesù jerfa nagħġa fuq spallejh, ma jerfax l-iktar nagħġa bajda, safja u nadifa iżda jerfa’ n-nagħġa li ntilfet; n-nagħġa li rribellat; n-nagħġa atteja; in-nagħġa li kienet prostituta’; u dawn in-nagħaġ il-mitlufa jistgħu jsalvaw u jsibu l-ħajja ta’ dejjem qabel dawk li sippost qed jgħixu ħajja tajba.