L-EKUMENIŻMU FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment.
L-Ekumeniżmu fil-Ħajja tal-Knisja hu r-relazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u knejjes oħra. Hu parti mportanti mill-missjoni tal-Knisja li twassal il-Kelma ta’ Ġesu’ bil-kliem u bl-għemejjel. L-ekumeniżmu hu li l-Knisja tpoġġi fil-prattika dak li qal Ġesu’: “Nitlob li jkunu lkoll ħaġa waħda”.
Ġesu’ waqqaf knisja waħda, imma tul il-medda tas-sekli qamu firdiet kbar u serji.
Il-kelma Ekumeniżmu tfisser dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ relazzjoni bejn insara ta’ knejjes differenti, imma mhux reliġjonijiet oħra, bħal Mussulmani, Buddisti, etċ. L-insara huma kollha membri tal-istess reliġjon Kristjana – huma lkoll mgħammdin f’isem it-Trinita’, għandhom l-istess Bibbja, jemmnu f’Ġesu’ Kristu, jiċċelebraw l-istess festi kbar. Dawn huma l-Kattoliċi, l-Insara Ortodosi u l-Insara Protestanti.
Mela Ġesu’ waqqaf Knisja waħda, imma maż-żmien seħħew xi firdiet. Fis-sena 1054 saret dik bejn il-Knisja ta’ Ruma u dik Ortodossa, meta l-Papa skomunika lill-Partijarka ta’ Kostantinopli fuq xi twemmin u tagħlim. Din l-iskomunika tneħħiet fl-1967 mill-Papa Pawlu VI. Il-firda seħħet ukoll minħabba kwistjoni ta’ użanzi, tal-mod kif jiċċelebraw il-Liturġija.
Firda oħra kbira seħħet fis-seklu sittax – dik ta’ Luteru. Il-Knisja kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli, kien hemm affarijiet li ma kinux qed isiru sew. Kien hemm xewqa għal riforma. Dil-firda xterdet ħafna u malajr peress li kienet diġa ġiet ivvintata il-printing press (Gutenburg). Dak li qal Luteru nxtered malajr u n-nies bdiet tmur favur jew kontra l-Papa. Kieku kien hemm veru djalogu, kieku l-firda ma kinitx tikber u sseħħ. Luteru kellu lista ta’ 95 nuqqasijiet, fosthom dik tal-bejgħ tal-indulġenzi. Minn kwistjoni reliġjuża saret ukoll waħda politika – ir-reliġjon tiegħek trid tkun skond dik tas-sultan jew prinċep tiegħek. Qamu wkoll gwerer kbar minħabba f’hekk. Waħda minnhom damet sejra 30 sena – bejn 1618 u 1648. Mietu mijiet ta’ eluf ta’ nies.
Mela għandna Knisja b’diversi firdiet. Fl-1910 saret konferenza missjunarja f’Edinburgh, fl-Iskozja, fost xi knejjes Protestanti. Iddiskutew kif kienu qed jevanġelizzaw fl-artijiet tal-Imperu Ngliż. Kien hemm ix-xewqa ta’ għaqda bejniethom. Dil-konferenza ħalliet ċertu mpatt, imma kienet biss fost il-Protestanti. Xi għaxar snin wara anke l-Ortodossi wrew ix-xewqa li jitkellmu mal-Protestanti biex jibdew jaħdmu għall-għaqda fost l-Insara. B’hekk twieled il-Moviment Ekumeniku, imma l-Knisja Kattolika ma kinitx għadha nvoluta. Infatti kien hemm anke l-Projbizzjoni: Kattoliċi ma setgħux jidħlu fi knejjes Protestanti.
Kien il-Papa Ġwanni Pawlu XXIII li qal li rridu naħdmu għall-għaqda tal-knejjes. Minn snin qabel kien diġa predispost għal din il-ħaġa. Meta kien Nunzju fil-Bulgarija, pajjiż Ortodoss, għamel ħbieb mal-isqfijiet Ortodossi. L-istess għamel meta kien Nunzju fit-Turkija, fil-Greċja u f’Pariġi. Kien jitaqa’ magħhom u jgħinhom. Ried jgħannaq lil kulħadd. Permezz tiegħu, id-djalogu beda jsir possibbli.
Wieħed mill-għanijiet tal-Konċilju Vatican II kien li l-knisja taħdem għall-għaqda fost l-Insara, u b’hekk daħlet f’dan il-Moviment Ekumeniku. Infatti hemm dokument “Biex l-Għaqda Terġa’ SSeħħ mill-Ġdid”. Dan ġiet ppublikat fis-sena 1964.
Il-Moviment Ekumeniku li beda fl-1910 kompla jinfirex. Fl-1948 twaqqaf il-Kunsill Dinji tal-Knejjes – “World Council of Churches” – li wkoll kien qed jaħdem għal dan il-għan – l-għaqda fost l-insara. Il-Knisja Kattolika mhix membru sħiħ, imma osservatur. Pero’ xorta tagħti sehem importanti fil-ħidma tiegħu. Il-Knisja Kattolika mhix membru sħiħ minħabba kwistjoni ta’ min hu knisja u min mhux. Biex ikun hemm knisja irrid ikun hemm struttura. Fost il-Protestanti hemm min tilef is-suċċessjoni appostolika. Għandhom ministers u pastors imma mhux qassisin. Tilfu l-Ewkaristija u s-Saċerdozju. Allura jidħol id-dibattitu: dawn veru knejjes? Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar knejjes u komunitajiet ekklesjali – għandhom aspetti ta’ knisja imma m’għandhomx il-ġerarkija – isqfijiet, saċerdoti u djakni. Allura mhumiex knejjes fil-veru sens tal-kelma.
Luteru, li kien studjuż u ħassieb, ħa s-silta tal-ewwel ittra ta’ San Pietru: “Intom saċerdozju qaddis”. Tkellem dwar is-saċerdozju komuni tal-fidili. Aħna, bil-magħmudija, irċevejna s-saċerdozju universali tal-fidili, imma mnhux dak ministerjali. Li ġara hu li Luteru ħadu fl-estrem u hemm żbalja. Allura bdew jagħżlu minn fosthom nies biex jippriedkaw, imexxu komunita’. Bdew anke jagħmlu ċerimonji simili tal-ordinazzjoni.
Meta fl-1967 il-Ppapa Pawlu VI iltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Canterbury, Michael Ramsay, dan kien tah iċ-ċurkett tiegħu. Il-Papa kien qed jirrikonoxxi li dan l-Arċisqof, għalkemm mifrud, kellu rwol fil-Knisja Anglikana – tmexxija, sejħa minn Alla, imexxi t-talb.
Il-Papa Franġisku, biex jikkommemora il-50 sena minn din il-laqgħa, għamel servizz ekumeniku u lilll-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, tah kopja tal-baklu tal-Papa Girgor il-Kbir. Dan, fi żmien is-seklu sitta, kien bagħat il-missjunarji Benedittini fl-Ingilterra biex jevanġelizzaw. B’dan il-ġest il-Papa qisu qed jirrikonoxxi ir-rwol ta’ tmexxija.
L-Ekumeniżmu hu dawk l-isforzi kollha li jsiru biex l-insara jersqu lejn xulxin. Illum ersaqna ħafna, għalkemm m’aħniex magħqudin. Għalhekk ma nistgħux nagħmlu l-Ewkarisitja flimkien, imma talb flimkien għall-għaqda jista’ jsir. Infatti sar servizz ta’ Ras ir-Randan bejn Kattoliċi u Protestanti flimkien – iċ-ċerimonja tal-irmied. Kienet xi ħaġa li lill-Protestanti mpressjonathom ħafna.
Hemm diversi tipi ta’ Ekumeniżmu. Hemm l-Ekumeniżmu Spiritwali – li nitolbu flimkien, nisimgħu l-kelma t’Alla flimkein, inkantaw flimkien.
Hemm l-Ekumeniżmu fuq livell uman. Per eżempju, issir taf li l-ġara tiegħek hi membru ta’ knisja oħra. Titkellem magħha, ssaqsija fuq il-knisja tagħha, tkellimha fuq il-festi tagħna. Taħseb f’dak li jkun, iżur fl-isptar, tgħin. B’hekk jibdew jaqgħu l-ħitan.
Hemm Ekumeniżmu Dottrinali. Dawn ikunu esperti, teoloġi li jiltaqgħu biex jiddiskutu suġġetti partikolari. Jissejħu djalogi bilaterali.
Hemm l-Ekumeniżmu Soċjali. Isiriu inizzjattivi bejn Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti biex jgħinu l-istess għan, l-istess kawża ġusta, kemm f’Malta u kemm barra. Kull meta jsir servizz ekumeniku issir ġabra li tmur għal għan wieħed. Din is-sena marret għat-terremotati tal-Albanija. Issir ukoll ħidma ta’ twinning, per eżempju, bejn djoċesi Kattolika u oħra Ortodossa.
Hemm ukoll l-Ekumeniżmu tad-Demm – tal-Martri. Ħafna nies mietu martri għax kienu Nsara, jemmnu fi Kristu, imma mhux neċessarjament Kattoliċi. Id-demm tal-martri tħallat u l-Papa jgħid li b’hekk diġa hemm l-għaqda. Eżempju ta’ dawn huma l-Martri tal-Uganda. (1887).
(Hawnhekk saru xi mistoqsijiet)
Meta tidħol ġo knisja Protestanta tista’ titqarben?
Tista’ tidħol fi knisja Protestanta imma ma tistgħax titqarben. Ghalkemm hemm similjanzi mal-quddiesa tagħna, għad m’hemmx għaqda. Tista’ titlob, tista’ titla biex tirċievi barka. Mhux kwistjoni li titla titqarben biex ma turtax lil dak li jkun. Dawn huma jifhmuha M’għandniex nagħtu sinjal ta’ xi ħaġa li aħna m’aħniex, għax hemm il-firda. Huma ma jemmnux fil-Preżenza Reali, jew li nbidlet is-sustanza. F’każ ta’ emerġenza biss tista’ per eżempju tqerr fi Knisja Ortodossa
Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal: “Hemm bżonn li nsibu mezz kif nistgħu nistudjaw flimkien, aħna u l-Orotdossi, kif jien nista’ neżerċita r-rwol tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma”. Il-Papa Franġisku, l-ewwel darba li deher fil-pubbliku, qal li hu l-Isqof ta’ Ruma. Din lill-Ortodossi għoġbithom ħafna. Infatti l-Patijarka mar personali għaċ-ċerimonja tal-Papa.
Fil-bidu tal-Knisja kien hemm ħames patrijarkati – Ruma, Lixandra, Kostantinopli, Ġerusalemm u Antijokja. Dak ta’ Ruma kellu r-rwol l-iktar importanti.
Dwar il-miġja tal-Papa f’Malta, donnu li dan qed iżur il-postijiet tal-periferija. Hemm min semma l-emigranti, anke minħabba li t-tema “U laqgħuna bi ħlewwa liema bħala ssemmiet diversi drabi.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Missierna.