L-Ispirtu jiċċara l-imħuħ – Prayer Cafè – 13 ta` Mejju 2016
Prayer Cafe ta’ nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju bdiet billi għidna t-talba tal-Moviment u nqara l-vanġelu tal-Ħadd li jmiss mehud minn Ġw 14: 15-16, 23b-26 li jitratta dwar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli. Dawn li ġejjin huma xi punti li nqassmu matul il-laqgħa.
San Ċirilu, isqof ta’ Lixandra f’kumment dwar l-Evanġelju ta’ San Ġwann kien qal: “Sakemm Kristu kien jgħix fost il-fidili tiegħu bil-ġisem bħal tagħna, kien jidher li hu l-protagonist; iżda meta wasal iż-żmien li jmur għand il-Missier kien jeħtieġ li jibqa’ qrib dawk li jqimuh. Dan seħħ bil-wasla tal-Ispirtu s-Santu. Bil-għajnuna u l-qawwa tiegħu nistgħu nagħmlu għemejjel tajba.”
Hawn jidħol is-sens tat-talba tal-Moviment Kerygma:
Spirtu s-Santu nitolbuk tinżel fina biex turina xi trid minna sabiex b’għemilna u ħidmitna inwasslu il-Bxara t-Tajba fl-ambjent ta’ madwarna. Dawlilna moħħna sabiex nagħrfu nimpennjaw ruħna bħala nsara fis-soċjeta bierek l-ħidma tagħna u ibqa’ magħna sabiex aħna nkunu strumenti Tal-Bxara t-Tajba.
Spirtu s-Santu urina xi trid minna.. Kemm qed inħalluh jinvadina dan il-messaġġ? X’valuri għandu fil-ħajja tagħna? Ħajjitna hi dikotomija – ħajja doppja? – Nġib ruħi skont is-sitwazzjoni li nkunu fiha?
L-Ispirtu s-Santu hu dak li jmexxi l-Knisja. Hu jinsab fi qlubna. Jekk verament irridu ninbidlu hu biss l-Ispirtu s-Santu li jista’ jibdilna, bil-qawwa u d-doni tiegħu li rċevejna l-ewwel fil-magħmudija u kkonfermajniehom meta “ sirna suldati ta’ Kristu ” bil-Griżma tal-Isqof.
Waqt korsijiet tal-parenting skills wieħed mill-pariri li jingħata lill-ġenituri għal trobbija aħjar ta’ uliedhom, hu li minflok ma jippontifikaw u jimponu, jagħmlu mistoqsija. Mistoqsija ġġegħelhom jibdew proċess ta’ ħsieb. Fil-fatt din hi waħda mill-karatteristiċi ta’ Papa Franġisku. Hu prattikament f’kull diskors jew omelija jagħmel serje ta’ mistoqsijiet li għandna nagħmlu lilna nfusna biex nirriflettu bis-serjeta fuq dak li qed nagħmlu f’ħajjitna fid-dawl tal-Vanġelu.
L-eżami tal-kuxjenza – ngħidu li ma nafux nagħmluh għax nibżgħu minnu? Għax inkella jekk l-Ispirtu s-Santu jurina li jeħtieġ nibdlu xi atteġġajenti, drawwiet tagħna, ma jkunx jaqblilna? ..ma jdoqqx għal widnejna?..L-Ispirtu s-Santu jibdel kollox! Qed jibdel il-Knisja radikalment mill-Konċilju Vatikan 11 ‘l hawn! Minn nies beżżiegħa lill-appostli għamilhom tant qalbiena li waslu jagħtu ħajjithom, għelbu lil min kien qed jippersegwithom. Il-persekuzzjoni għada fostna. Kif iħobb jgħid Papa Franġisku, qed ngħixu fi żmien ta’ indifferenza globaliżżata ! L-aħbarijiet li aħna bbumbardjati bihom kif inħalluhom jikkundizzjonawna?
Dan l-aħħar fl-Italja għaddiet il-liġi dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u dwar il-koabitazzjoni, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi qal li għal kemm hu kattoliku ħa l-ġurament fuq il-kostituzzjoni mhux fuq il-vanġelu.
Kif jidħol l-Ispirtu s-Santu f’dawn iż-żewġ aħbarijiet? Lill-Appostli Ġesu qalilhom: “Nibgħatilkom l-Ispirtu s-Santu u HU jgħallimkom kollox.” Biex nagħmlu dan irid jkollna qalbna miftuħa għalih bis-serjeta, bid-doċilita, bil-ħlewwa, bid-dispożizzjoni li dak li jgħidilna nagħmluh anki jekk imur kontra x-xewqat tagħna. Fl-Amoris Letitia Papa Franġisku qal: “ Insibuha bi tqila li nħallu l-wisa’ għall-kuxjenzi tal-fidili,li spiss iwieġbu għall-Evanġelju bl-aħjar mod li jistgħu, minkejja l-limitazzjonijiet u għandhom ħila jagħmlu dixxerniment f’sitwazzjonijiet kumplikati. Aħna konna msejħin biex niffurmaw il-kuxjenzi mhux biex neħdulhom posthom” (AL 37).
Hawn hi r-rabta bejn l-aħbarijiet preċedenti u l-ħajja tagħna bħala nsara. Jekk verament irridu ninbidlu hu biss l-Ispirtu s-Santu li jista’ jibdilna, bil-qawwa u d-doni tiegħu. Papa Franġisku fl-omelija tiegħu tat-12 ta’ Mejju qal: “Kif tista’ d-dinja temmen meta tara lilna niġġieldu bejnietna, nisparlaw fuq xulxin minn wara dahar xulxin? Min irid jgħix kif jqabillu mhux dejjem qed jara eżempju tajjeb minna għax waħda mill-karatteristiċi li jtina l-Ispirtu s-Santu hi l-paċenzja li donnha għebet għal kollox mill-ħajja tagħna.”
Fl-Evanġelu li qrajna llum interessanti li Ġwanni ma jsemmix lill-appostli imma lid-dixxipli , kelma importanti fil-kuntest tal-Vanġelu ta’ San Ġwann għax l-kelma dixxipli tiġbor fiha lil kull min jimxi fit-triq ta’ Ġesu, alias, aħna lkoll, llum. L-Ispirtu ċċara l-imħuħ. Fl-istess nifs żied “ Id-dnubiet ta’ dawk li intom taħfruhomlhom ikunu maħfura, ta’ dawk li żżommuhom ikunu miżmuma.” Mela fl-inżul tal-Ispirtu s-Santu Ġesu waqqaf ukoll is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, il-ħniena, il-maħfra bla tarf li l-Missier biss għandu.
Il-laqgħa tkompliet billi rreċitajna talb lill-Ispirtu s-Santu u l-Missierna flimkien.