Jgħollini Hu jew ngħolli lili nnifsi? – Prayer Cafè – 6 ta` Mejju 2016
Il-laqgħa Prayer Cafe tas-6 ta’ Mejju bdiet bil-qari tal-vanġelu tal-Ħadd ta’ wara mehud minn Lq 24:46-53. Il-Ħadd 8 TA’ Mejju ċċelebrajna t-Tlugħ ta’ Sidna Ġesu Kristu fis-sema. Dan ir-rakkont insibuh fl-evanġelji kollha barra ta’ San Ġwann. L-aħjar prezentazzjoni ta’ din il-ġrajja nsibuha fl-Atti tal-Apostli. F’dan ta’ l-aħħar nsibu li Ġesu tela’ s-sema wara 40 jum mill-Qawmien mill-mewt tiegħu.
Xi tifsira għandha għalina din il-Festa? Din mhijiex sempliċiment tifkira ta’ ġrajja imma qed niftakru f’misteru – dan il-fatt nistqarruh fil-Kredu: ‘Nemmen…..mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; tela’ fis-smewwiet,..’ u li l-appostli huma xhieda tagħha. Mela rridu naċċettawha bħala fatt storiku li dan Ġesu ħalla d-dinja u daħal fis-saltna t’Alla; eżatt kif ma nafux, l-appostli sempliċiment qalu ‘tela’ s-sema’.
Sfortunatament llum qegħed tidħol l-ideja li din il-ġrajja għandha x’taqsam ma l-aljeni..ma xi UFO s! Ħafna skolaru u professuri qegħdin jippreżentaw dawn il-ġrajjiet f’dan id-dawl. Wieħed minn dawn studjuż tal-Ebrajk; jgħid li skond hu ċerti kliem mill-bibbja ġew tradotti differenti mit-tifsira vera tagħhom. Dan il-bniedem barra li jagħmel ħafna konferenzi f’universitajiet, ħareġ diversi kotba fuq is-suġġett u ħaġa tal-iskantament eluf ta’ nies qegħdin isegwuh. Dan prattikament qiegħed jgħid li Alla ma jeżistiex u li l-Bibbja ma titkellimx fuq Alla imma titkellem fuq Aljeni. Ħafna reliġjonijiet fosthom il-Kattoliċi u l-Musulmani traduċew il-kelma Elohim plural ta’ Eloah bħala Alla imma dan qiegħed jgħid li tfisser Aljeni. Għalkemm ħafna minna narawha bħala fantaxjenza, ħafna adoloxxenti l-aljeni huma fatt ovvja li jeżistu. Għandek diversi channels fuq it-televixin jitkellmu dwar dan bħal Discovery Channel, National Geographic Channel, Prehistory Channel.. u anke fuq diversi siti tal-internet. Aħna bħala ġenituri nsara rridu noqgħodu attenti li ma nħallux lill-uliedna jibilgħu kulma jisimgħu mingħajr provi. Hemm ukoll sensiela sħiħa ta’ ċinema bbażati fuq dan is-suġġett. Aktar ma naraw minnhom aktar hemm ċans li xi ħaġa se jeħel fl-imħuħ li jarawhom. Dieħla ideja li it-Tlugħ ta’ Ġesu fis-sema seħħet qisha xi ġie xi UFO u ħadu x’imkien miegħu! Segwiti ta’ dawn is-siti, ħafna minnhom tfal u adoloxxenti jaqbżu l-miljun. Mela bħala ġenituri responsabbli għandna nakkumpanjaw lil uliedna f’dak li jkunu qegħdin jaraw.
Il-misteru tat-Tlugħ fis-sema tal-Mulej rridu narawh f’kuntest sħiħ. Rridu naraw kif dan Alla ċekken lilu nnifsu u sar bniedem – ħa sehem fil-ħajja tagħna – biex b’hekk aħna wkoll nieħdu sehem fil-ħajja tiegħu – imbagħad hu reġa’ tela’ s-sema. Ġesu huwa Alla li sar bniedem biex mbagħad aħna nieħdu sehem fin-natura Divina tiegħu. Il-Fidi nisranija hija bbażatha fuq dan – li aħna rridu li ħajjitna ssir tixbah lil ta’ Ġesu Kristu. Aktar ma ħajjitna tkun tixbah lil ta’ Ġesu aktar il-qalb tagħna tkun miftuha biex Hu jammar ġewwa fina. Dan hu l-qofol tat-twemmin tagħna! IŻDA llum ħafna drabi qiegħed jiġri bil-kontra. Ħafna drabi mhuwiex Alla li jinżel ħdejna imma aħna rridu nniżluh għal-livell tagħna. Dan ma nagħmluhx bid-dagħa biss, imma wkoll meta nagħmluh ħabib, qisu sieħbi li mmur nixrob flixkun birra miegħu! Veru li Alla ċċekken imma Hu ALLA li jiċċeken u mhux aħna nċeknuh! Hawn irreferejna għal ġrajja meta Ġesu ħasel saqajn l-appostli ..Pietru tfantas..tfantas għax Pietru kien għaraf min hu Ġesu! Imma Ġesu qallu li jekk ma jħallihx jaħsillu saqajh ma kienx se jkollu sehem miegħu. Għal dan Pietru wieġeb : “ Mhux biss saqajja izda, idejja u rasi ukoll.” Ġesu qal ‘Inthom tgħidu li jien l-Imgħallem tagħkom u sewwa qegħdin tgħidu, mela li jien l-Imgħallem tagħkom u qdejtkom; hekk ukoll tridu tagħmlu intom bejnietkom.’
Għandna tendenza li lil Alla nċekknu l-qawwa tiegħu …huwa Alla li fl-imħabba kbira li għandu lejna huwa ċekken lilu nnifsu – huwa Hu li jgħollina ‘l fuq mhux aħna ngħollu lilna nfusna ‘l fuq qisna xi allat! Għandna tendenza llum li nċekknu lil Alla bil-mod kif nitrattawh bla biżgħa ta’ xejn. M’hawnx biżgħa għal dak li hu sagru t’Alla. Dan jidher bil-mod kif inġibu ruħna fil-knejjes tagħna..meta mmorru għal quddies nidħlu l-knisja b’sens li dħalna f’post sagru? Aħna u telgħin biex nitqarbnu nkunu miġburin u ngħarfu min Hu dak li ġej ġewwa fina! Meta naddu minn quddiem Ġesu sagramentat, nagħmlu reverenza bħala sinjal ta rispett jew qas nafu x’inhi!! Sforunatament dan is-sens ta’ sagru llum qegħdin nitlifuh u qegħdin nieħdu lil Alla ‘for granted’. Qiegħed jidħol sens ta’ suppervja – jew dan Alla se jaqbel ma li ngħidlulu, se jaqbel mal-kapriċċi tagħna jew inkella se ntellquh ‘l barra. F’dinja materjalistika ġibna dak li hu sagru fix-xejn!
Alla ċċekken biex jgħolli lilna; id-dnub waqqana u Kristu għollina… mela aħna rridu nħallu ‘l Alla hemm fuq u naċċettaw l-fatt li niżgħel sar bniedem bħalna imma hu jibqa ‘l fuq minna. Mela jiena rrid nħalli lil dan Alla jgħollini mhux jiena ngħolli lili nnifsi. Anke f’relazzjonijiet ta’ bejnietna – l-prosit għandna nħallu lil oħrajn jagħtuhilna. Ma nistgħux la nniżlu lil Alla u wisq anqas nagħmlu lilna nfusna allat! Ma nistgħux nibqgħu nimxu f’isem tal-kuxjenza u nimxu kif jogħġob lilna. Meta l-knisja titkellem fuq il-kuxjenza tkun qegħda tirreferi għal kuxjenza ffurmata – il-vuċi t’Alla f’qalb il-bniedem u mhux dak li jiftlilna moħħna. Qegħdin nħallu l-Kelma t’Alla idawlilna qalbi, nħalluha turina x’inhu tajjeb jew ħażin? Jew AĦNA rridu niddeċiedu? Ejjew nagħrfu dan il-misteru u nħallu lil Alla jaħdem fina.
Il-laqgħa tkompliet b’din il-kwotazzjoni :
Fil-ħidma appostolika mhux biżżejjed il-qawwa tagħna, ir-riżorsi tagħna, l-istrutturi tagħna, għalkemm dawn kollha huma neċessarji. Mingħajr il-preżenza tal-Mulej u mingħajr il-qawwa tal-Ispritu tiegħu, xogħolna, għalkemm ikun organizzat tajjeb, ma jħalllix frott. Għalhekk, ejjew immoru ngħidu lin-nies min hu Ġesù. (Omelija ta Papa Frangisku 1 ta’ Ġunju 2014).
Il-laqgħa ngħalqet bit-talba tal-Missierna u l-barka t’ALLA.