L-Istress – Prayer Cafè – 24 ta’ Jannar 2016
Il-Ġimgħa, 22 ta’ Jannar
Taħdita minn Dr. David Mamo fuq l-istress
Dak li jara l-psikjatra hu l-effett li jħalli l-istress. Hemm distinzjoni bejn l-istress u l-effett tal-istress.
X’taħsbu li hu l-istress? – mgħobbi bl-inkwiet, anzjeta’, għejja żejda, ippressat bil-ħin, mhux qed tlaħħaq. Issa l-istress huwa dak li qed tħabbat wiċċek miegħu fil-ħajja. L-oħrajn huma l-effetti tal-istress.
L-istress tajjeb jew le?
Xi ftit stress huwa tajjeb għax inkella l-moħħ jinxef, taqa’ f’apatija.
Fil-ħajja, aħna nirċievu affarijiet minn barra – stress – dak li jeffettwa s-sistema tagħna. Il-mod kif nirreaġixxu huwa l-effett tal-istress. Dan l-istress mhux dejjem jiġi b’mod wieħed – daqqa minn naħa u daqqa minn oħra. Is-sistema tidra l-istress regolari. Għalhekk hemm bżonn li nitgħallmu nilqgħu l-isfidi li titfgħalna l-ħajja b’modi differenti. B’hekk insiru aktar effiċjenti meta nħabbtu wiċċna mal-istress.
L-istress u l-anzjeta’ mhux neċessarjament ħżiena, għax jgħinuna nibqgħu attenti. L-anzjeta’, li hi r-reazzjoni għall-istress, tippreparana biex nilqgħu l-blalen li titfgħalna l-ħajja. L-anzjeta’ tikber meta l-blalen jiġu minn bnadi differenti, u tonqos meta nitgħallem modi differenti kif nolqothom “coping styles”. Dawn jiddefinixxu l-personalita’ tagħna – dik li tagħmlek uniku.
Importanti li nkunu konxi ta’ dak li nafu u dak li ma nafux. Hemm modi maturi ta’ kif nilqgħu l-istress u hemm modi inqas maturi. Qisek għandek menu. Idejalment nużawh kollu biex inkunu kapaċi nilqgħulha l-ħajja.
Mod wieħed hu li tiċħad li sar, mhux veru, qisu ma ġara xejn – “denial”. Tajjeb li ninġibu lura għal xi ftit tal-ħin jekk is-sitwazzjoni tkun diffiċli ħafna (normal human response). Imma mhux tajjeb jekk nirreaġixxu għal kull ħaġa b’dan il-mod. Imbagħad issir problema (immature coping style).
Mod ieħor hu li twaħħal f’xi ħadd jew xi ħaġa (normal human defence). Meta nirrealizzaw l-iżball tagħna, pero’, għandna naċċettawh.
Mod aħjar ta’ kif tiffaċċja l-istress hu li tieħu l-problema b’ċertu umoriżmu. Dan jgħinek biex tilqa’ sfidi differenti.
Mod ieħor hu li toħroġ ftit minnek innifsek u tgħin lill-oħrajn.
Mod ieħor hu li tħalli problema għal llum u taħseb fuqha għada – “back burner”. Huwa fatt li ħafna mill-problemi tagħna nsolvuhom fl-irqad.
“Displacement activity” hu mod ieħor ta’ kif tiffaċċja l-istress. Dan hu li tneħħi l-attenzjoni minn fuq il-problema u tagħmel xi haġa li m’għandha x’taqsam xejn.
Issa f’dawn l-erba’ modi – umoriżmu, volontarjat, backburner displacement activity – huwa mportanti li ma nessaġerawx għax inkella tinħoloq problema oħra u ma nkunu solvejna xejn.
Hemm każijiet oħra – inadequate personality – fejn l-individwu ma jkun jaf xejn fuq kif ħa jiffaċċja l-problema. La jitlob għajnuna, la jipprova jara kif se jbiddel is-sitwazzjoni, jibqa’ skantat. Kultant, meta jiġu ħafna blalen f’daqqa minn ħafna bnadi differenti dak li jkun jibqa’ ffirżat, “overwhelmed. Hawnhekk issir anzjeta’ problematika li ma tħalliex li nużaw il “coping styles” L-istress kroniku jgħejjina. Hawnhekk ikun tajjeb li nfittxu l-għajnuna ta’ xi ħadd iktar professjonali biex jgħinna ngħarfu lilna nnfusna u l-għażliet li nkunu qed nagħmlu.
Il-personalita’ tagħna – l-mod kif nilqgħu l-isfidi tal-ħajja – jiġi nfluenzat mit-temperament. Anke l-ambjent li nitrabbew fih jaffettwa. Dan ma jfissirx li min jikber f’ambjent mhux daqshekk tajjeb mhux se jkollu “coping styles”, imma jista’ jsib iktar diffikultajiet. Il-bniedem huwa reżiljenti, u b’xi mod jew ieħor jitgħallem jiffaċċja l-istress.
Il-fidi wkoll għandha rwol f’dan kollu. Modi ta’ kif ngħelbu l-istress hu li nieqfu, nirriflettu, li nkunu konxi tagħna nnfusna (self awareness) u tal-oħrajn (mindfulness), niffukaw fuq xi ħaġa (meditation). Dawn kollha għandhom effetti terapewtiċi. Meta tagħsar kollox tispiċċa b’kompassjoni, rispett u mħabba magħna nnfusna. Il-bażi tar-reliġjon hi l-imħabba. Aħna nemmnu li Alla ħabbna l-ewwel u għalhekk l-ebda problema mhi ħa tkun kbira żżejjed. Dan hu fl-aħħar net l-aqwa “coping style”, “a leap of faith”. La jien maħbub u maħfur nista’ nagħti. Alla se jtina l-mezzi ta’ kif nistgħu nilqgħu u ngħelbu l-istress tal-ħajja.