Sejħa għal-servizz! – Prayer Cafè – 8 ta’ Jannar 2016
L-ewwel laqgħa tas-sena 2016 ġie trattat l-Evanġelu ta’ San Luqa (Lq 3, 15-16, 21-22) ‘Il-Magħmudija tal-Mulej’. Wara li nqara l-Evanġelu ġew diskussi siltiet minnu.
L-ewwel ma ntqal hu li l-Antik Testment jagħlaq bil-profeti u Ġwanni l-Battista kien l-aħħar profeta li ġie jħejji t-triq tal-Mulej. Skont l-evanġelista Ġwanni kienet jgħammed bl-ilma, rit li kien jintuża biex inaddaf u mhux biex jaħfer id-dnubiet. Bid-dettal li Ġesù tgħammed l-aħħar, l-evanġelista ried jurina li xogħol Ġwanni l-Battista issa kien lest u li kien ġej xi ħadd aħjar. L-evanġelista jurina lil Ġesù jitlob għax Ġesù kien iħobb jitlob. It-talb tagħna huwa meta nitkellmu m’Alla. Ħajjitna trid tkun ħajja ta’ talb.
Kif Ġesù tgħammed, jidher l-Ispirtu s-Santu f’forma ta’ ħamiema bajda u jinstema’ “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”. Is-simbolu tal-ħamiema tista’ tkun interpretata bħala purità u dgħufija. Dan ried juri messaġġ li Alla bagħat lil Ġesù fuq missjoni ta’ purità u maħfra u mhux ta’ ġlied u tifrik biex jirbaħ! Ġesù kellu jbagħti biex jifdi d-dnubiet tagħna. Isaija wkoll ħabbar li l-Messija kellu jbgħati. Imma l-Lhud stennew Messija li jistagħna u jkun b’saħħtu biex jirbaħ lir-rumani ħalli jieħdu l-kmand f’idejhom!
Aħna li nafu li ġie l-Messija, konna kapaċi nilqgħuh jew ħallejnih għaddej? Jekk naraw nies ta’ kulur ieħor jew nies li qed ibagħtu, x’nagħmlu ngħinuhom jew nagħlqu għajnejna? Jekk hemm xi ħadd miġġieled magħna nistennew lilu li jiġi għalina jew immorru aħna? Aħna bħala Kristjani qed nagħtu eżempju lil ħaddieħor jew qed isir bil-kontra? Aħna msejjħin biex nerfgħu u ngħinu l-problemi ta’ ħaddieħor billi nerfgħu s-salib tagħhom. Ġesù jgħidilna ħobbu kif tħobbu lilkom infuskom u jispiċċa biex jgħid ‘ħobbu kif ħabbejtkom jien’. Ġesù spiċċa biex miet fuq is-salib li tfisser li Hu ta kollox! U hekk aħna msejjħin biex ngħatu lil kulħadd. Dik li tfisser il-magħmudija. Ġesù ma kellux bżonn jitgħammed għax ma kellux dnub imma tgħammed biex juri solidarjeta’ magħna li aħna midinbin u b’hekk qaddes il-magħmudija. Jurina li l magħmudija għandna bżonnha.