Prayer Cafè: L-UMILTA’ – taħdita mis-sur John Seguna, il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru, 2018.
Il-laqgħa bdiet bit-Talba tal-Moviment. Wara, peress li ninsabu fil-xahar tal-mejtin, saret talba għalihom.
Qabel ma’ ttratta s-suġġett tal-lum, il-kelliem għamel ħsieb fuq il-Quddiesa.
Il-Quddiesa twaqqfet fl-Aħħar Ċena, meta Ġesu’ ħallielna l-Ewkaristija u ta pass għas-saċerdozju. San Alfons jgħid li l-quddiesa hi l-aktar ħaġa qaddisa li togħġob lil Alla – il-mod l-iktar qawwi biex ittaffi l-korla Divina għall-midinbin u l-mod żgur biex trażżan il-qawwa tal-infern L-akbar ġid għall-bniedem u l-aqwa suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju hu t-teżor bla tmiem li Ġesu’ għoġbu jħallilna bħala tifkira għażiża Tiegħu.
Santa Tereża. waqt estasi, staqsiet kif tista’ togħġob lil Alla, u t-tweġiba kienet “Attendi għall-quddiesa”. Illum, l-attendenza għall-quddies naqset, u anke meta nattendu, nagħmlu hekk bħala drawwa. Immorru l-Ħadd għax inkella nagħmlu dnub mejjet, allura mmorru b’obbligu.
M’għandux ikun hekk. Il-quddiesa hi l-laqgħa tagħna m’Alla. Fost il-ġimgħa tmur għax trid int, u għalhekk għandha mertu kbir. Fil-quddiesa jseħħ is-sagrifiċċju ta’ Kristu mill-bidu sal-aħħar. Il-quddiesa llum ġibniha qisa bla ebda sinifikat. Fil-quddiesa tisma’ l-Kelma t’Alla, u meta toħroġ barra, hemmhekk tibda l-quddiesa tiegħek. Jekk dak li smajt ma jibdillek xejn f’ħajtek, allura għandek problema. Il-quddiesa ma tibdlekx mil-lum għal għada, imma biż-żmien, meta teħodha bis-serjeta’.
Meta tmur il-quddies, tpatti għad-dnubiet iżjed milli tagħmel penitenza ħarxa. Il-talb personali huwa mportanti, imma l-iżjed talba perfetta tibqa’ il-quddiesa, għax fiha Ġesu’ jagħtik sehem mill-merti Tiegħu. Ġesu Kristu jitlob għalik bl-istess ħeġġa li biha talab fuq is-salib għall-għedewwa Tiegħu. Il-pjagi mqaddsa Tiegħu jitolbu maħfra għal dnubietek bis-saħħa tat-talb ta’ Ġesu’. Fil-quddiesa ningħaqdu mal-Iben t’Alla biex Bih u Fih nitilgħu għand il-Missier. Dak ifisser meta jgħid “Jien it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja”.
L-UMILTA’
Il-Kmandamenti, il-Beatudnijiet, u l-Bibbja kollha jduru fuq l-umilta’. Id-dnub ta’ Adam u Eva kien li ma kinux umli – il-Bibbja kollha hi dwar l-umilta’ t’Alla u l-kburija tal-bniedem – mill-bidu sal-aħħar.
The minute you think you've got it, you've lost it“The minute you think you’ve got it, you’ve lost it”. Jekk tgħid jien umli, diġa’ inti m’intix. L-umli qatt ma jgħid li hu umli. Ma jfissirx li ma tagħrafx il-qawwiet tiegħek, imma mhux li titkessaħ bihom. Il-qawwiet tiegħek qegħdin hemm biex tgħin lil ħaddieħor.
Fid-dinja kulħadd huwa ndaqs. Ħadd mhu aħjar minn ħadd. Aħna lkoll maħluqin fuq ix-xbiha t’Alla. Kristu xerred demmu għal kulħadd. Fir-rakkont tal-Fariżew u l-Pubblikan, Ġesu’ jgħid “Tal-aħħar hu ġġustifikat iżjed mill-ewwel wieħed”.
Ma nistgħux inkejlu l-umilta’ tagħna, lanqas tal-qaddisin, mal-umilta’ t’Alla. Fil-ħasil tas-saqajn, Ġesu’ juri l-umilta’ kollha. L-Iben t’Alla, li kien jaf li ħa jagħti ħajtu, niżel jaħsel riġlejn l-appostli. Hawn Kristu jgħallimna li iżjed ma Alla jtik talenti, iżjed għandek tbaxxi ruħek, għax dawn Alla tahomlok biex tgħin lil ħaddieħor.
It was pride that changed angels into devils. It is humility that makes men as angels“It was pride that changed angels into devils. It is humility that makes men as angels”. Biex tkun qaddis trid tilħaq ċertu umilta’. L-umilta’ mhix li tkasbar is-saħħa tiegħek, imma li taċċetta d-djufija tiegħek.
Illum, ħafna drabi, nitkejlu magħna nfusna b’kemm nafu, kemm għandna flus, etċ. Imma l-veru kejl hi l-qalb tajba. Hemm bniedem jilħaq il-maturita’ tiegħu.
L-umilta’ nsibuha f’kull reliġjon, barra s-Sataniżmu. Il-Ġudaiżmu, il-Buddiżmu, l-Iżlam u l-Kristjanita’ kollha jimxu fuq l-umilta’. Imma x-xitan qed jidħol baxx baxx u kulħadd moħħu fit-titli u fil-postijiet, anke f’ċertu laqgħat. Kristu jgħid “Fostkom m’għandux ikun hekk”. Iġġieled biex taqdi, mhux biex tilħaq. Ma jfissirx li m’għandikx ittejjeb il-pożizzjoni tiegħek, imma mhux li tagħmel hekk akkost ta’ kollox. Hemm bżonn insibu l-bilanċ f’kollox.
“The Dark Night of the Soul” ta’ San Ġwann tas-Salib jispjega li d-demonju inqeda’ b’nies li tant jagħmlu ġid li jibdew jikbru fl-isem u tibda wkoll tikbrilhom rashom. Għalhekk it-titlu tal-ktieb, meta Alla jitlaq daqsxejn minn ħajtek biex jikkoreġik, biex rasek ma tikbirx. Meta lil Kristu n-nies riedet tagħmlu sultan, Hu warrab minn hemm. Dik hi l-umilta’. Ġesu’ għażel l-iżjed nies sempliċi.
Minn fejn tibda l-umilta’? Fil-bidu, Alla u l-bniedem kienu ħaġa waħda, imma bid-dnub seħħet il-firda. Aħna, biex naslu s’għand Alla irridu nibnu pont billi nippruvaw ngħixu ħajja tajba. Minn hemm tibda l-umilta’. Weħidna ma naslux. Insalvaw bil-fidi. Ġesu’ qatt ma qal “isalvaw it-tajbin”, imma “min jemmen Fija jsalva”. Issa ma tistgħax temmen f’Ġesu’ u ma tagħmilx l-opri tal-ħniena.
Biex naslu s’għand Alla, irridu nerfgħu s-Salib. Il-kmandamenti qegħdin hemm mhux biex irebbħuk il-Ġenna, imma biex ituk direzzzjoni kif għandek tgħix. Il-Ġenna tinfetaħ biss permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.
L-oppost tal-umilta’ hi l-kburija. Hekk seħħ l-ewwel dnub – Adam u Eva riedu jsiru daqs Alla. Aħna qatt ma nistgħu nsiru daqs il-Kreatur, lanqas l-akbar qaddisin, lanqas ix-xitan, għax ilkoll maħluqin. L-arroganza, li dak li tgħid int biss tajjeb, l-egoiżmu sfrenat, is-superjorita’, ir-razziżmu, il-pretensjoni – dawn huma kollha l-oppost tal-umilta’.
L-umli jagħmel minn kollox biex jaħfer. Is-supperv ma jaħfirx. Jekk ma taċċettax it-tbatija, ma tistgħax tkun nisrani. Ġesu’ qal “Fid-dinja tbatu jkollkom, imma agħmlu l-qalb għax Jien irbaħt lid-dinja”. Ġesu’ jgħid li iżjed ma taħfer, iżjed jinħafirlek.
Alla jiqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja. “Kull min jitkabbar jiċċekken, u min jiċċekken jitkabbar”. Il-moralita’ nisranija qegħda bbażata fuq il-Kmandamenti tat-Testment il-Qadim u fuq il-Beatudnijiet tat-Testment il-Ġdid. Fuq dawn għandna nimxu. Ma tistgħax tħaddanhom jekk ma tkunx umli.
Alla jsalva lill-umli, jkun mal-umli, jagħti grazzja lill-umli. Kultant aħna ma nifhmux lil Alla, imma Hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. Aktar ma wieħed jinżel u jiċċekken f’għajnejn il-bnedmin, iktar jikber f’għajnejn Alla, u jara wiċċ Alla. Wara l-umilta’ tiġi l-glorja. L-umli m’għandux bżonn jilbes maskra. L-umli huwa naturali. Tagħmel it-tajjeb għax thobb. Kristu stess qal “Tgħallmu minni, għax Jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Hu biss jista’ jgħidu dan. Mingħajr umilta’ ma nistgħux nidħlu fis-saltna tas-smewwiet. “Tassew ngħidilkom li jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet”.
L-umli:
- jobdi għas-sewwa bla ebda tnehida.
- jfittex minn naħa tiegħu l-inqas post. “Meta jistidnuk, oqgħod fl-aħħar post”.
- jieħu gost fil-kumpanija ta’ nies “baxxi” f’għajnejn is-soċjeta’. Għandna nistmaw lil kulħadd indaqs.
- ma jitkellimx, la tajjeb u lanqas ħażin, fuqu nnifsu.
- ifittex u jgħożż is-skiet proprju tiegħu.
- jagħraf li l-ġid ġej minn Alla.
- iġarrab paċi kontinwa f’qalbu.
- ma jafdax fih innifsu
- jitlob
- ma jagħmilx lilu nnifsu mudell
- ma jagħmiliex ta’ umli biex jidher umli
- ifaħħar il-ġid ta’ ħaddieħor.
L-umilta’ tibda dejjem billi tinżel għarkobbtejk – li tqerr. Qed tagħraf dnubietek. Qed tagħraf li Kristu jista’ jaħfirhomlok, tisqarrhom lill-qassis u titqarben.
Il-laqgħa għalqet bit-Talba tal-Hniena Divina.