“Morru għallmu l-Ġnus Kollha” – Prayer Café: 30 ta’ Mejju 2014
Il-Ħadd li ġej se niċċelebraw il-festa tat-Tlugħ ta’ Ġesu fis-sema – Lapsi – qal Fr Charles fil-bidu tal-laqgħa PRAYER CAFE l-ġimgħa 30 ta’ Mejju, iżda kemm verament tagħmlilna differenza din il-ġrajja? Kultant bl-attitudni tagħna ma nagħtuhx l-importanza li jistħoqq lill-Mulej. Il-meravilja tal-vanġeli, tenna Fr Charles, hi li huma sensiela ta’ ritratti tas-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna.
Il-vanġelu ta’ nhar il-Ħadd mehud minn Mattew 28:16-20, għalkemm rakkont qasir, huwa mimli b’ritratti tagħna. Min jaf kemm il-darba mmorru l-knisja, ninxteħtu għarkubtejna iżda xorta iddubitajna – l-ħsibijiet u l-problemi li ġarrejna magħna ma ħallewniex nisimgħu l-kelma t’Alla u ma jinbidel xejn! Bħal meta d-dixxipli wara tlett snin sħaħ jisimgħu lil Ġesu u jarawh iwettaq miraklu wara l-ieħor, rawh rxuxtat u xorta “uħud iddubitaw” . Min jaf kieku konna aħna f’din is-sitwazzjoni konniex nibagħtuhom isaqqu l-ħass tal-Marsa, qal Fr Charles, Iżda Ġesu xorta qalilhom:
“MORRU , GĦALLMU L-ĠNUS KOLLHA U GĦAMMDUHOM FL-ISEM TAL-MISSIER U TA’ L-IBEN U TA’ L-ISPIRTU S-SANTU.”
Ġesu għandu l-istess fiduċja fina, ejjew ma nħallux ix-xitan jkissirna bid-dnubiet jew bid-djugħfijiet tagħna. Hu wegħdna li se jkun magħna “sal-aħħar taż-żmien”. Nsibu personaġġi bħalna fil-Bibbja li ddubitaw fil-kapaċita tagħhom nfushom – bħal Mose, dan kif l-Mulej qallu biex joħroġ il-poplu t’Alla mill-Eġittu Mose qallu: ‘ Jien , raġel intemtem! Jien se mmur quddiem il-Farajun?’ Iżda bil-qawwa tal-Mulej irnexxilu. Ejjew nużaw l-qawwa li nnagħatat lilna fil-Magħmudija – ejjew nitħeġġu bit-talb. Ejjew naħsbu f’xulxin kif kienu jagħmlu l-ewwel insara – ejjew nitolbu għal xulxin.
Il-Mulej jagħżilna, kompla Fr Charles, biex naqduh u bħala gwida Hu jibgħat lil min imexxina bħalma bagħat lil Papa Franġisku – Papa li ħasad lid-dinja. Dan il-Papa bit-talb irnexxilu jwaqqaf gwerra kontra s-Syria mill-Amerika u r-Russja. U issa qiegħed jirsisti biex iġib il-paċi bejn il-Palestinjani u l-Lhud. Għal dan il-għan L-Qdusija Tiegħu stess waqt iż-żjara tiegħu fl-Art Imqaddsa ħareġ stedina unika lill-Presidenti ta’ Iżrael u tal-Palestina biex imorru l-Vatikan u jitolbu miegħu. Din l-istedina kienet aċċettata mit-tnejn li huma. Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġ lin-nies ta’ dawn it-tliet reliġjonijiet biex jaħdmu flimkien għall-paċi.
Fr Charles temm il-laqgħa billi ħeġġiġna biex mar-radd tas-Salib filgħodu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu għal doża ta’ Enerġija. U wara nkunu nistgħu nwettqu dmirna. It-TALB huwa importanti pero li nwettqu dmirna mhu xejn inqas. Dak li nitolbu għalih fil-knisja jrid jitkompla barra l-għatba taż-żuntier.
B’hekk temmejna l-laqgħat tal-ġimgħa ta’ Prayer Cafe għal din s-sena. Jerġgħu jitkomplew f’Ottubru. Dan ma jfissirx li l- MOVIMENT KERYGMA se jorqod waqt ix-xhur tas-Sajf. ANZI hemm ħafna attivitajiet organizzati għal dan is-sajf, kemm għal adulti, adoloxxenti u t-tfal. Informazzjoni dwar dawn għandkom issibuhom fuq dan dan is-sit (attivitajiet) jew fuq facebook, fil-paġna tal-Moviment Kerygma.