L-ewwel ma ntqal hu li l-Antik Testment jagħlaq bil-profeti u Ġwanni l-Battista kien l-aħħar profeta li ġie jħejji t-triq tal-Mulej. Skont l-evanġelista Ġwanni kienet jgħammed bl-ilma, rit li kien jintuża biex inaddaf u mhux biex jaħfer id-dnubiet. Bid-dettal li Ġesù tgħammed l-aħħar, l-evanġelista ried jurina li xogħol Ġwanni l-Battista issa kien lest u li kien ġej xi ħadd aħjar. L-evanġelista jurina lil Ġesù jitlob għax Ġesù kien iħobb jitlob. It-talb tagħna huwa meta nitkellmu m’Alla. Ħajjitna trid tkun ħajja ta’ talb.
Kif Ġesù tgħammed, jidher l-Ispirtu s-Santu f’forma ta’ ħamiema bajda u jinstema’ “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”. Is-simbolu tal-ħamiema tista’ tkun interpretata bħala purità u dgħufija. Dan ried juri messaġġ li Alla bagħat lil Ġesù fuq missjoni ta’ purità u maħfra u mhux ta’ ġlied u tifrik biex jirbaħ! Ġesù kellu jbagħti biex jifdi d-dnubiet tagħna. Isaija wkoll ħabbar li l-Messija kellu jbgħati. Imma l-Lhud stennew Messija li jistagħna u jkun b’saħħtu biex jirbaħ lir-rumani ħalli jieħdu l-kmand f’idejhom!
Aħna li nafu li ġie l-Messija, konna kapaċi nilqgħuh jew ħallejnih għaddej? Jekk naraw nies ta’ kulur ieħor jew nies li qed ibagħtu, x’nagħmlu ngħinuhom jew nagħlqu għajnejna? Jekk hemm xi ħadd miġġieled magħna nistennew lilu li jiġi għalina jew immorru aħna? Aħna bħala Kristjani qed nagħtu eżempju lil ħaddieħor jew qed isir bil-kontra? Aħna msejjħin biex nerfgħu u ngħinu l-problemi ta’ ħaddieħor billi nerfgħu s-salib tagħhom. Ġesù jgħidilna ħobbu kif tħobbu lilkom infuskom u jispiċċa biex jgħid ‘ħobbu kif ħabbejtkom jien’. Ġesù spiċċa biex miet fuq is-salib li tfisser li Hu ta kollox! U hekk aħna msejjħin biex ngħatu lil kulħadd. Dik li tfisser il-magħmudija. Ġesù ma kellux bżonn jitgħammed għax ma kellux dnub imma tgħammed biex juri solidarjeta’ magħna li aħna midinbin u b’hekk qaddes il-magħmudija. Jurina li l magħmudija għandna bżonnha.
Il-Moviment Kerygma qed jorganizza kompetizzjoni tal-Presepji tal-Milied li wara jiġu eżebiti f’wirja li ser issir bejn 20 u d-29 ta’ Novembru 2015 ġewwa c-Ċentru Kulturali Kerŷgma, ir-Rabat. Ir-rebbieħ jingħata premju ta’ €200, waqt li dak tat-tieni post jingħata €100 u għat-tielet post – €50. Kulħadd jista’ jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni tal-presepji li taghrif dwarha jinsabu f’dawn ir-regolamenti.
Il-qies tal-presepju m’għandux jaqbeż il-120 ċm wisa’ bi 80 ċm fond. Il-presepju għandu jkun statiku, imma affarijiet żgħar mekkanizzati bħal xi sienja, imtieħen eċċ huma aċċettati. Jista’ jintuża kull tip ta’ materjal MINBARRA oġġetti protetti bil-liġi bħal Sagħtar eċċ. Il-materjal KOLLU użat fix-xogħol irid jissemma, u dan biex il-membri tal-Moviment ikunu jistgħu jagħmlu nota miktuba fuq kull mejda tal-wiri għal benefiċċju ta’ kompetituri oħra u tal-pubbliku li jżur il-wirja.
Il-ġurija sejrin jagħtu l-punti tagħhom fuq: l-oriġinalità, artistrija, il-grotta u l-madwar, irfinar fix-xogħol, perspettiva u proporzjon, tqassim ta’ pasturi u wkoll effetti maħluqa permezz ta’ dwal jew ilma. Presepji mingħajr dwal ukoll jiġu aċċettati u ma jsir ebda tnaqqis ta’ punti fihom. Fl-ebda post tal-presepju ma jista’ jitħalla fejn jidher, l-isem jew xi dettalji oħra li jistgħu jagħtu xi ħjiel ta’ min huwa l-presepju. Min jagħmel dan ikun qed joħloq kunflitt ta’ interess u b’hekk jiġi skwalifikat mill-ewwel.
L-esebituri jridu jġibu u jieħdu x-xogħol tagħhom fil-ġranet mogħtija lilhom mill-Moviment. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq hekk kif il-postijiet jimtlew u mhux ser ikun hemm data ta’ għeluq. Il-Moviment Kerŷgma jżomm d-dritt li jista’ ma jaċċettax xi presepji, mingħajr ma jagħti spjegazzjoni.
Id-deċiżjoni tal-ġurija għandha tkun DEJJEM finali.
Il-premjijiet ser ikunu hekk: L-ewwel post €200, it-Tieni post € 100 u t-Tielet post € 50. Ċertifikati ta’ parteċipazzjoni ser jiġu mogħtija wkoll lill-kompetituri KOLLHA. Id-data tal-premjazzjoni tingħata mill-membri tal-Moviment,
Il-ħlas ta’ €10 jsir mar-registrazzjoni u kull individwu jista’ jippreżenta presepju wieħed. Għal aktar taghrif cemplu fuq 99110888
Il-Laqgħat Prayer Cafè reġgħu komplew nhar id-9 ta’ Jannar, wara waqfa qasira fil-ġranet tal-Milied. F’din l-ewwel laqgħa tal-2015, tkellimna dwar il-Vanġelu tal-Ħadd 11 ta’ Jannar 2015; jiġifieri l-Ħadd fejn niċċellebraw il-magħmudija tal-Mulej. [ara l-Vanġelu]
Il-laqgħa bdiet billi ġie spjegat li l-Magħmudija tal-Mulej għandha ħafna komuni ma’ dak li ċċelebrajna il-ġimgħa l-oħra: l-Epifanija tal-Mulej. Dan għaliex fil-magħmudija, Ġesù qiegħed juri lilu nnifsu bħala l-Iben ta’ Alla. L-istess ġara fl-epifanija fejn Alla qiegħed juri lilu nnifsu bħala tarbija. Fil-fatt epifanija tfisser turija jew manifestazzjoni u l-insara tal-lvant din il-festa jsejħula Theofanija li tfisser, “Alla juri lilu nnifsu”.
Fil-Ġrajja tal-magħmudija Ġesù ħa l-magħmudija mingħand Ġwanni l-Battista. Aħna nitgħammdu biex jitneħħielna d-dnub tan-nisel. Ġesù kien Alla, allura ma kellux bżonn magħmudija. Fl-ittra ta’ San Pawl lill-Fillipin naqraw hekk:
“Ġesù li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”
Ġesu ma kellux bżonn magħmudija iżda sar bniedem bħalna u għalhekk ried jgħaddi minn dak kollu li ngħaddu minnu aħna.
Wara dan il-ħsieb ġie kkwotat dak li qal il-Papa Franġisku fid-diskors tiegħu fl-udjenza ġenerali fil-Pjazza San Pietru, nhar L-Erbgħa 8 ta’ Jannar 2014:
B’dan id-diskors il-Papa beda katekeżi fuq is-sagramenti u beda billi f’dan id-diskors tkellem dwar l-ewwel sagrament: il-magħmudija. F’dan id-diskors fost l-oħrajn jgħid hekk:
Il-Magħmudija hi s-sagrament li fuqu tinbena l-istess fidi tagħna u li tlaqqamna bħala membri ħajjin fi Kristu u fil-Knisja tiegħu. Flimkien ma’ l-Ewkaristija u l-Konfirmazzjoni tifforma l-hekk imsejħa ‘Inizjazzjoni Nisranija’
Imbagħad jistaqsi din il-Mistoqsija:
Imma hi tabilħaqq meħtieġa l-Magħmudija biex nistgħu ngħixu ta’Nsara u nimxu wara Ġesù? Fl-aħħar mill-aħħar dan mhux sempliċi rit, att formali tal-Knisja biex nagħtu isem lit-tarbija?
Hawnhekk għandna nsaqsu lilna nfusna, “Aħna għalxiex nitgħammdu? Għaliex ngħammdu t-tfal tagħna? Nifhmu verament x’inhi l-magħmudija jew ngħammdu t-tfal għax hija parti mill-kultura tagħna? Mhux l-ewwel darba li nisimgħu il-frażi: “Fittex għammdu/ għammidha” jew “kemm se ddum ma tgħammdu?”. Allura qed ngħammdu t-tfal għax (forsi mingħajr ma nafu) qed inkunu superstizzjużi?
Għalxiex niċċelebraw il-magħmudija?
Il-Papa jirrispondi bil-kliem ta’ San Pawl fl-ittra lir-Rumani:
“Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida”(Rum 6:3-4).
Dwar dan il-Papa jgħid hekk:
Mela din mhix biss formalità! Hi att li jmiss l-eżistenza tagħna fil-profondità tagħha. Tarbija mgħammda u tarbija li mhix mgħammda m’humiex l-istess. M’humiex l-istess persuna mgħammda u oħra li mhix.
Hawnhekk nistgħu nitkellmu dwar l-argument: għandna ngħammdu t-tfal meta jkunu trabi jew għandna nħalluhom jiddeċiedu jekk jitgħammdux meta jikbru u jkunu maturi? Dwar dan wieħed jista’ jgħid ħafna, pero’ jibqa l-fatt li ġenituri responsabbli ma jħallux tarbija bil-ġuħ biex meta titgħallem titkellem tkun tista’ tgħid x’tippreferi; u lit-tfal nagħtuhom il-mediċini/tilqim li għandhom bżonn, biex nipproteġuhom, mingħajr ma nikkunsidraw jekk huma jriduhomx jew le. Ħadd ma jħalli lit-tfal jikbru mingħajr ma jagħtihom jieklu biex imbag[ara l-Vanġelu]ħad jiddeċiedu huma jekk irridux jieklu jew le! Bl-istess mod ġenituri nsara ma jistgħux ma jagħmdux lit-tfal tagħhom. Għalhekk il-ġenituri nsara jiddeċiedu li jgħammdu tarbija għax jemmnu li dik hi l-aħjar triq għaliha. Il-Magħmudija mhijiex bħal membership ta’ xi klabb li tidħol tagħmel parti minnu iżda bil-magħmudija qed nirċievu il-barka ta’ Alla. Imbagħad irridu nkomplu nitkabbru u nieħdu ħsieb li nibqgħu f’din il-barka tul ħajjitna; meta nkunu żgħar permezz tal-ġenituri tagħna u meta nikbru din trid tkun deċiżjoni li nibqgħu nieħdu u nsostnu aħna. Dan nagħmluh anke bl-affarijiet żgħar li jiġru fil-ħajja tagħna ta’ kuljum; kif ngħixu ħajjitna: kif nitkellmu; kif nsuqu u l-bqija. Kull ma nagħmlu rridu nuru li aħna nsara: jiġifieri aħna mgħammda.
Il-Papa jkompli hekk:
“bil-Magħmudija, niġu mgħaddsa f’din il-għajn tal-ħajja li qatt ma taqta’ li hi l-mewt ta’ Ġesù, l-akbar att ta’ mħabba tal-istorja kollha; u grazzi għal dik l-imħabba nistgħu ngħixu ħajja ġdida, mhux iżjed suġġetta għall-ħażin, għad-dnub u għall-mewt, imma f’komunjoni ma’ Alla u mal-aħwa.”
Hawnhekk tqajjem punt ieħor importanti. Bil-magħmudija aħna nsiru lkoll aħwa; ulied tal-istess Missier. AĦNA AĦWA – ngħixu f’familja, f’komunità’; Knisja waħda.
Il-Papa qal ukoll li: “Ħafna minna m’għandhomx l-iċken tifkira taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sagrament”. Hawnhekk issemma l-fatt li l-Papa ħafna drabi jsostni li kull nisrani, kull sena għandu jiftakar u jiċċelebra mhux biss id-data tat-twelid – il-birthday, iżda wkoll id-data li fiha tgħammed. Dwar dan il-Papa jgħid hekk:
Li nkunu nafu d-data tal-Magħmudija tagħna jfisser li nafu data hienja. Jekk ma nafuhiex inkunu nirriskjaw li nitilfu l-memorja ta’ dak li l-Mulej wettaq fina, il-memorja tad-don li rċivejna. Imbagħad nispiċċaw biex inqisuha biss bħala ġrajja li seħħet fil-passat – u bilkemm għax ridna aħna, imma għax riedu l-ġenituri tagħna, li għalhekk m’għandha l-ebda effett fuq il-preżent. Jeħtieġ nerġgħu nqajmu fina l-memorja tal-Magħmudija tagħna. Aħna msejħin ngħixu l-Magħmudija tagħna kuljum, bħala realtà attwali fl-eżistenza tagħna. Jekk jirnexxielna nimxu wara Ġesù u nibqgħu fil-Knisja, anke jekk bil-limiti tagħna, bid-dgħufijiet tagħna u bid-dnubiet tagħna, dan hu propju minħabba fis-Sagrament li fih sirna ħolqien ġdid u ġejna mlibbsa mill-ġdid bi Kristu.
Fi ftit kliem il-Papa qiegħed jgħid li għandna niftakru l-magħmudija tagħna għax permezz ta’ hekk aħna nibqgħu niftakru li aħna nagħmlu parti minn familja; minn komunità. Nibqgħu parti minn din il-komunità; il-knisja permezz tal-magħmudija u sagramenti oħra li jżommuna f’komunjoni, speċjalment l-Ewkaristija. Dan għaliex l-Ewkaristija tgħaqqadna bħala komunità madwar l-istess mejda; aħna l-Maltin għandna nifhmu dan sew għax fil-kultura tagħna (bħall-kulturi oħra Mediterranji) meta niltaqgħu mal-familja jew il-ħbieb, ħafna drabi niltaqgħu madwar il-mejda tal-ikel; biex niltaqgħu rridu nieklu. Fl-Ewkaristija nagħmlu l-istess, niltaqgħu madwar mejda f’komunità. Il-Magħmudija, bl-istess mod, tagħqqadna flimkien bħala aħwa.
Il-Papa jkompli jgħid:
Hu bil-qawwa tal-Magħmudija, fil-fatt, li, meħlusin mid-dnub oriġinali, aħna mlaqqmin fir-relazzjoni ta’ Ġesù ma’ Alla l-Missier;li aħna nġorru tama ġdida, għax il-Magħmudija tagħtina din it-tama ġdida:it-tama li nimxu fit-triq tas-salvazzjoni, ħajjitna kollha. U din it-tama xejn u ħadd ma jista’ jitfiha, għax it-tama ma tqarraqx bina. Ftakruha: it-tama fil-Mulej qatt ma tqarraq.
Il-Mulej huwa fidil; il-Mulej huwa lejali u dak li jwiegħed iwettaq.
Grazzi għall-Magħmudija, aħna kapaċi naħfru u nħobbu anki lil min joffendina u jagħmlilna d-deni; jirnexxielna nagħrfu f’dawk tal-aħħar u fil-foqra l-wiċċ tal-Mulej li jiġi jżurna u hu qrib tagħna. Il-Magħmudija tgħinna nagħrfu l-wiċċ ta’ Ġesù f’wiċċ dawk il-persuni li huma fi ħtieġa, f’dawk li qed ibatu, anki fil-proxxmu tagħna. Dan kollu hu possibbli grazzi għall-qawwa tal-Magħmudija!
Dan ifisser li kull ma nagħmlu aħna, bħala nsara mgħammda, huwa riżultat u riflessjoni tal-magħmudija tagħna. Aħna bħala nsara għandna nagħmlu dak li hu tajjeb. Dan ma jfissirx li min mhux nisrani ma jistax jagħmel it-tajjeb. Anzi, kulħadd jista’ jagħmel it-tajjeb. Id-differenza hi, li min hu mgħammed għandu jagħmel it-tajjeb għall-glorja ta’ Alla u mhux biex iħossu aħjar hu nnifsu.
Punt tal-aħħar, li hu importanti. U hawn nagħmel mistoqsija: Tista’ persuna tgħammed lilna nfisha? Ħadd ma jista’ jgħammed lilu nnifsu! Ħadd. Nistgħu nitolbuha, nixtiequha, imma għandna bżonn ta’ xi ħadd li jagħtina dan is-Sagrament f’isem il-Mulej. Għax il-Magħmudija hi don li jingħata f’kuntest ta’ attenzjoni u ta’ kondiviżjoni fraterna. Dejjem tul l-istorja, wieħed jgħammed lill-ieħor, lill-ieħor, lill-ieħor…hi katina. Katina ta’ grazzja. Imma jien ma nista’ qatt nitgħammed waħdi: hemm bżonn nitlob lil xi ħadd ieħor jagħtini l-Magħmudija. Hu att ta’ fratellanza, att ta’ filjazzjoni għall-Knisja. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija nistgħu naraw il-karatteristiċi l-iżjed naturali tal-Knisja, li bħal omm tkompli tnissel ulied ġodda fi Kristu, fil-frott li jagħti l-Ispirtu s-Santu.
Dan isostni l-fatt li aħna bħala mgħammda; bħala nsara, aħna famila waħda, komunità.
Hawnhekk rajna x’qal il-Papa fid-diskors tal-udjenza tal-ġimgħa ta’ wara:
Hawnhekk il-Papa ta eżempu, permezz tal-istorja, ta’ x’ġara meta l-knisja fil-Ġappun għamlet mijiet ta’ snin teżisti b’mod klandestin u x’fissret il-mgħammudija f’dan iż-żmien partikolari għal dawn in-nies. Aqra d-diskors kollu bil-Malti hawn!
Bħala konklużjoni għal-laqgħa ssemma l-messaġġ tal-Papa għall-jum dinji tal-Paċi (1 ta’ Jannar) ta’ din is-sena: MHUX AKTAR ILSIRA IMMA LKOLL AĦWA.
F’dan il-messaġġ, fost l-oħrajn, il-Papa jgħid hekk:
Huwa, l-Iben il-Maħbub (cfr Mattew 3,17), ġie biex jurina l-imħabba tal-Missier lejn l-umanità. Kull min jisma’ l-Evanġelju u jwieġeb għas-sejħa tal-konverżjoni, għal Ġesù jsir «ħija, oħti u ommi» (Mattew 12,50) u għalhekk iben adottiv ta’ Missieru (cfr Efesin 1,5).
Il-Messaġġ jikkonkludih hekk:
Nafu li Alla jitlob lil kull wieħed u waħda minna: «X’għamilt b’ħuk?» (cfe Ġenesi 4,9-10). Il-globaliżżazzjoni tal-indifferenza, li llum ittaqqal il-ħajja ta’ tant ħutna, titlob minna li nsiru atturi ta’ globaliżżazzjoni tas-solidarjetà u tal-fraternità, biex lil dawn il-vittmi ntuhom lura t-tama u biex, mimlijin bil-kuraġġ jerġgħu jibdew it-triq fost il-problemi ta’ żmienna bil-prospettivi ġodda li jġib miegħu u li Alla jqegħedilna f’idejna.
It-tlett punti li għandom joħorġu minn din il-laqgħa huma:
Meta tgħammidna? Nfittxu u niftakkru din id-data, biex niftakru li aħna mgħammdin u parti minn Knisja.
Għandna kontinwament insaqsu lilna nfusna: «X’għamilt b’ħuk?». Bl-imġieba tiegħi, qiegħed nieħu ħsieb lil ħija jew lil oħti?
Infittxu d-diskorsi u l-messaġġi tal-Papa. Dawn nistgħu nsibuhom fuq www.laikos.org.
L-aħħar preparamenti għall-wirja “Il-Presepju fil-Kunvent” għaddejin ġmielhom. “Il-Presepju fil-Kunvent” hija wirja ta’ presepji li ġew mibnija waqt il-korsijiet ta’ bini tal-presepji li ġew organizzati mill-Moviment Kerŷgma fix-xhur tas-sajf. Bħalissa qed issiru l-aħħar irtokki fuq dawn il-presepji (ara ir-ritratti hawn taħt) u dan ix-xogħol ser jilħaq il-qofol tiegħu waqt din il-wirja li ser issir bejn is-6 u l-14 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma. Waqt din il-wirja ser ikun hemm kafeterija fejn minbarra li jieħu kafe, wieħed jista jixtri u jduq ikel tradizzjonali tal-Milied. Barra min hekk ser wieħed ser ikun jista jixtri ponsjetti u kotba. Dan kollu żgur li se jgħin lill-dawk li jattendu biex iħossu l-ispirtu tal-Milied.
Il-Presepju fil-Kunvent
Mis-Sibt 6, sal-Ħadd 14 ta’ Diċembru
Fiċ-Ċentru Kulturali Kerŷgma, Kunvent San Duminku, ir-Rabat