Niskru bil-Milied? – Prayer Cafè – 4 ta’ Diċembru 2015
NEĦĦU N-NIKET – IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT – 6 TA’ DIĊEMBRU
Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Moviment, u mbagħad inqara l-vanġelu minn San Luqa, Kapitlu 3, versi 1 – 6, li jitkellmu fuq Ġwanni l-Battista: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert….”
Wara saret introduzzjoni, u mbagħad infetħet id-diskussjoni bil-mistoqsija: “Taħsbu li l-bidla li ġab Gesu’ qed isseħħ fi żminijietna?” Għalkemm hemm min jgħid li morna l-baħar, pero’ fil-fatt it-tajjeb għadu jseħħ, imma ma jagħmilx ħoss bħal ħażen. Il-qawwa t’Alla qegħda fuqna; il-fanatiċiżmu fir-reliġjonijiet minn dejjem kien jeżisti, imma l-bidla li ġab Kristu għadha tinħass – mhux dejjem turi ruħha bl-istess mod, imma teżisti u tibqa’ sal-aħħar taż-żminijiet.
Ġesu’ huwa dejjem magħna. Il-Milied għandu jkun is-sena kollha. Kieku taf x’bidla jkun hawn! Għalkemm dan iż-żmien ġie kkommerċjalizzat, għandna nkunu aħna li npoġġu l-Ġesu’ fl-ewwel post fil-Milied. M’għandniex naqtgħu qalbna, inkunu fejn inkunu. Jista’ jkun li jidħqu bina, li jwaqquna għaż-żufjett. Ma rridux nibżgħu nuru t-twemmin tagħna, ma noqogħdux lura milli ngħidu kelma tajba. Il-Mulej itina l-qawwa. Aħna, li verament konvinti, għandna bżonn li nintervjenu. Il-Mulej qed isejjħilna biex naħdmu fl-għalqa Tiegħu. Mhux biżżejjed li nattendu l-laqghat u nikbru flimkien, imma rridu mmorru hemm barra u nwasslu l-Kelma t’Alla.
Ġesu għandu jkun f’qalbna dejjem, imma forsi żmien il-Milied irattbilna u jiftħilna qalbna biex inġibu iktar għaqda u iktar qbil, biex b’hekk inkunu nsara ta’ veru u iktar twajba ma’ ta’ madwarna.
Qalbi hi lesta għall-Milied?
Kieku nimxu fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, naċċettaw lil kulħadd l-istess. L-ewwel mistoqsija li għandna nagħmlu hi: “Xi jfisser il-Milied għalija? Dan il-Milied se jkun differenti mill-oħrajn?” Veru li nagħmlu ħafna preparamenti, imma qalbi hi lesta għal dan il-Milied? Ħa jkun hemm Ġesu’ fiha, jew ħa noħroġ lil Bambin biex inżejjen u nerġa nżarmah wara li jgħaddu l-festi! X’inhu l-iktar importanti: it-tiżjin, jew li Ġesu’ jitwieled ġo qalbna?
Il-Milie
d irridu nħossuh tassew jekk aħna nagħmlu xi ħaġa li tbiddel lilna u ta’ madwarna. Ġesu’ mhux qiegħed hemm biex noħorġuh mill-kaxxa fil-Milied u nerġgħu nerfgħuh fil-kaxxa wara l-Milied. Kieku ma nsibux fejn inkunu rfajna l-Bambin nieħdu xokk. Jiġrilna hekk jekk ma nsibuhx f’ħajjitna? U dan ngħaqqduh ma’ dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa. Ħafna nies, b’solidarjeta’ ma’ dak li ġara fi Franza, żebgħu il-profil tagħhom fuq facebook bil-kuluri ta’ dan il-pajjiż. Kieku kull darba li nagħmlu dnub niżbgħu il-profil tagħna aħmar, kieku kulħadd jispiċċa b’dan il-kulur, għax xi ftit jew wisq kollha nonqsu.
Il-Milied iġib festi kbar fil-Liturġija ta’ qabel u anke wara l-Milied – liturġija qawwija li tant inkunu “fis-sakra tal-Milied” li lanqas nifhmu is-sinifikat tagħha. Ġesu’ se jitwieled, imma xi jfisser it-twelid ta’ Ġesu’? Il-Liturġija tal-Knisja tagħtina tweġiba:
il-Martirju ta’ San Stiefnu (26 ta’ Diċembru), San Ġwann il-Battista (27 ta’ Diċembru), l-Innoċenti (28 ta’ Diċembru). Kemm minna nikkommemoraw il-qtil tal-innoċenti?
Ma nistgħux niltaqgħu ma’ Kristu u nibqgħu fejn inkunu. Hu biss jista’ jġib l-aqwa rivoluzzjoni fil-ħajja tagħna, jiġifieri dik li tista’ tinżel f’qalb il-bniedem biex tbiddlu mill-qiegħ. Għalhekk aħna għandna għażla: il-ħajja fi Kristu, li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem, jew il-mewt, li twassalna għat-telfien ta’ dejjem. Ejjew mela nduru b’indiema lejn Ġesu’, inħalluh jibdilna u jsawwarna bl-Ispirtu qaddis Tiegħu. Qegħdin fl-Avvent, żmien ta’ tħejjija. Ejjew mela nagħmlu deċiżżjoni bis-serjeta’ sabiex lil Kristu, u lil Kristu biss, inħalluh ikun is-Sid ta’ ħajjitna, biex jibdilna u jqaddisna sakemm iwassalna għall-perfezzjoni. Ma nħallux li dan il-Milied ikun bħall-oħrajn. Irid ikun Milied speċjali – Milied ta’ bidla, ta’ twelid mill-ġdid għal ħajja aħjar fi Kristu Ġesu’.
“Forgiveness is the final form of love”. Karl Paul Reinhold Niebuhr
L-għeluq sar bil-kliem ta’ San Pawl lill-Efesin: “Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu sabiex ifejjaqna mid-dnub u jdawwalna u jsaħħaħna biex ngħixu bħala wlied id-dawl” – b’kull ma hu tajjeb, b’kull ma hu ġustizzja, b’kull ma hu veru.
Il-laqgħqa għalqet b’dan il-ħsieb: San Ġwann kien jgħammed. Il-magħmudija hi att ta’ maħfra. It-teologu Amerikan Karl Paul Reinhold Niebuhr kien qal hekk fuq il-maħfra: “Forgiveness is the final form of love”.