Il-Verita tal-Messija – Prayer Cafè – 9 ta’ Diċembru 2016
Mistoqsija li żgur tiġina f’moħħna f’dan l-evanġelju hija kif Ġwanni l-Battista bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu għand Ġesu biex jistaqsuh jekk kienx hu l-Messija jew inkella jistennew lil xi ħadd ieħor. Issa aħna nafu li kien Ġwanni stess li għammed lil Ġesu fix-xmara Ġordan fejn instemgħet l-istqarrija minn Alla nnifsu li: “Dan hu Ibni l-għażiż, fik sibt l-għaxqa tiegħi.(Lq 3,22)”
X’aktarx li Ġwannni bagħat jistaqsi lil Ġesu proprju minħabba d-dixxipli tiegħu stess ħalli jintebħu kif għandu jkun il-Messija li kellu jiġi. Huma kellhom ideja ħażina tal-Messija, kellhom ideja biss ta’ Messija li se jsalvahom mill-oppressjoni politika u militari ta’ dawk li kienu qed jaħkmuhom.
Ġesu kien stqarr li ħadd ma hu aqwa minn Ġwanni; imma anke l-anqas wieħed minna hu aqwa minnu. Hu kien imsejjaħ biex iġib bidla fis-soċjeta fejn kien jgħix. Bħal Ġwanni hu kien imsejjaħ sabiex iwassal il-verita tal-Messija. Irridu nkunu ta’ għajnuna għal dawk ta’ madwarna.
Ebda bniedem li jiltaqa’ ma’ Ġesu ma jibqa’ l-istess imma jinbidel u jġib bidla pożittiva. Kulħadd se jfieq skont il-bżonnijiet tiegħu u bil-mod li għandu bżonn. Irid ikollna l-fidi f’Ġesu li huwa verament kapaċi jaqlagħna mill-problemi kollha tagħna kemm fiżiċi u kemm spiritwali.
Irridu niftakru wkoll li aħna umani u għandna wkoll id-difetti tagħna. Hemm xi dnub li qiegħed iżommna ‘l bogħod minn Alla u ma jħalliniex nikbru u ninbidlu. Ejjew nitolbu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex nirrikorru għall-qawwa tiegħu. L-Ispirtu, li huwa Alla; jilluminana u jurina dan in-nuqqas x’inhu. Tajjeb ukoll li nsibu persuna li titlob għalina, li tinterċedi għalina quddiem Alla. M’hemmx għalfejn nagħtu d-dettalji kollha lil din il-persuna imma tajjeb li l-komunita li ngħixu fiha titlob għalina bħalma għandna wkoll id-dmir li nitolbu għal ħaddieħor.
Il-maħfra għandha tkun għodda qawwija fil-ħajja tagħna li teħlisna.
Il-komunikazzjoni tagħna ma’ Alla tkabbar it-tama tagħna fih. Irridu nemmnu li l-grazzja t’Alla hija akbar mill-problemi kollha tagħna. Ġwanni l-Battista ma qatax qalbu u m’għamel xejn meta kien il-ħabs. Ġiegħel lid-dixxipli biex ikomplu jistaqsu l-mistoqsijiet tal-ħajja ħalli jkollhom aktar tama li twassalhom biex ikomplu jgħixu ħajjithom fi ħdan il-Messija l-Ġdid.
Il-Papa Franġisku semma kif f’dan l-Avvent se jkollna it-tliet miġjiet tal-Avvent. L-ewwel miġja hija tal-passat, l-Inkarnazzjoni u t-twelid ta’ Ġesu. It-tieni fil-preżent kif Ġesu jiġi jżurna kuljum fl-Ewkaristija b’mod speċjali. It-tielet huwa fil-futur meta se niltaqgħu ma’ Ġesu wara ħajjitna u fl-aħħar miġja ta’ Ġesu. L-Avvent jgħallimna li ma nafux meta se nerġgħu niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesu u li għalhekk għandna nkunu dejjem ipprepeparati.
Il-Milied għandu jkun il-laqgħa tagħna verament ma’ Ġesu. Niltaqgħu miegħu bil-fidi tagħna speċjalment permezz tat-talb u l-Ewkaristija. Il-karita wkoll hija mportanti speċjalment f’dawn iż-żminijiet. Imqar ftit ħin ħdejn xi ħadd li huwa waħdu huwa biżżejjed. Irridu naraw lil dawn in-nies bħala Ġesu ieħor li aħna se nerġgħu niltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ. Ejjew insibu lil dawk in-nies li jħossuhom weħidhom f’dawn iż-żminijiet, nitolbu għalihom ħalli Ġesu jipprovdilhom min se jgħinhom.
Wieħed jista’ jistaqsi: Għaliex wara tant snin li ilna niċċelebraw il-festi tal-Milied, xi nies għadhom qatt ma daqu l-ferħ ta’ Ġesu? Jista’ jkun li m’aħniex infittxu l-għajnuna li verament kapaċi tgħinna mingħand Ġesu. M’aħniex konvinti li Ġesu għandu l-għajnuna partikulari għalina? Nifhmu li Ġwanni l-Battista beda jipponta, imexxi u jwassal id-dixxipli tiegħu għal għand Ġesu għaliex huwa biss, Ġesu, kien il-vera Messija.
Weħidna m’aħna kapaċi nagħmlu xejn; għandna nitolbu l-għajnuna mingħand Ġesu għaliex hu biss kapaċi jgħinna u jimliena.
Il-kmandament ta’ Ġesu huwa li iħobb lil Alla u lil għajrek bħalek innifsek. Importanti għalhekk li nħobbu wkoll lilna nfusna, li ma nintremewx. Irridu nħossuna mportanti fil-ħajja tagħna fil-Knisja. Meta nkunu fil-kwiet u l-kalma rridu nagħmlu eżerċizzju ta’ talb ħalli meta nkunu fl-inkwiet inkunu diġa tlabna l-għajnuna u ppreparati mentalment minn Ġesu għal dak il-mument. Meta forsi nkunu għaddejjin minn xi problema, irridu nkunu ppreparati minn qabel permezz tat-talb. Irridu ninbidlu minn qabel ma niltaqgħu mal-problemi. Il-Papa Franġsiku pereżempju kien għex minn qabel ma’ diversi persuni bi problemi soċjali u kulturali u pprepara ruħu permezz tat-talb speċjalment sabiex issa għandu dan il-programm ta’ tmexxija u mod partikulari kif jgħix u jiltaqa’ ma’ dawk li verament għandhom problemi.