ŻMIEN IL-KERYGMA – Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2024
Is-7 Ħadd ta’ l-Għid – Tlugħ il-Mulej fis-Sema [B]
ŻMIEN IL-KERYGMA
Atti 1:1-11; Salm 46; Efesin 1: 17-23; Mark 16: 15-20
Il-Vanġelu
U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”
U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli fejn il-bidu ta’ dan il-ktieb jirrakkonta t-tlugħ fis-sema tal-Mulej. Is-Salm Responsorjali li għandna llum, meħud minn Salm 46, huwa għanja ta’ ferħ għax il-Mulej tela’ fis-sema biex joqgħod fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra t’a San Pawl lill-Efesin, għandna lil San Pawl li jitlob lil Alla jdawwal lill-Insara bil-grazzja li jagħrfu li tlugħ is-sema tal-Mulej kien ifisser li l-glorja tal-Mulej hija l-glorja tagħna. Fil-Vanġelu ta’ San Mark għandna lill-Mulej jibgħat lill-Appostli jxandru u jgħammdu. Huwa jitla’ s-sema imma jibqa’ jaħdem magħhom. Din hija l-Knisja.
Il-Ħajja
- “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-bnedmin kollha.” Liema Bxara Tajba – Kerygma – qed ixxandar inti fl-ambjent tiegħek?
- Kemm tassew tħoss il-preżenza tal-Mulej miegħek meta inti taħdem għalih?
- Mal-Mulej timxi bil-kejl: Quddies il-Ħadd biss ħa neħles?
- Kemm tassew qed tagħmel sforz fil-ħajja tiegħek biex tmur ixxandar il-Mulej b’għemilek?
- Inti temmen fil-Bxara t-Tajba?
Id-Djalogu
Mulej,
għallimni nkun dixxiplu tiegħek
li nwasslek f’dawn ta’ madwari.