IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK! – Is-6 Ħadd tal-Għid [B] – 5 ta’ Mejju 2024

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK! – Is-6 Ħadd tal-Għid [B] – 5 ta’ Mejju 2024

April 27, 2024

Is-6 Ħadd ta’ l-Għid

IMĦABBA TFISSER LI TAGĦTI ĦAJTEK!

Atti 10: 25-26, 34-35, 44-48; Salm 97; 1 Ġwanni 4, 7-10; Ġwanni 15: 9-17

Il-Vanġelu

 Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.

“Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kull ma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom.  Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.

Il-Ħsieb

ħobbu lil xulxin
     Fil-mixja tagħna matul iż-żmien ta’ l-Għid rajna ħafna drabi lill-Mulej ikellimna bil-ġrajjiet ta’ mħabbtu qabel il-kliem tiegħu.  San Ġwann, fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra tiegħu, itenni li għandna nħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla.  Iżda meta tisma’ stejjer dwar abbużi tat-tfal, tifrik u ġlied fil-familji wara ftit snin ta’ ħajja miżżewġa, meta tisma’ nies li jiġġakbinaw lil xulxin fuq il-post tax-xogħol, meta tara stejjer ta’ aħwa mifruda għal snin sħah minn xulxin minħabba xi ġlieda jew nuqqas ta’ qbil… dan kollu jindika li għadna lanqas bdejna nifhmu xi jrid il-Mulej minna, xi jrid jgħidilna l-Mulej meta jtenni li għandna nħobbu kif ħabbna hu.

     Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna nagħmlu deċiżjonijiet ċari meta ngħidu li nħobbu lil xi ħadd.  Tħobb ma jfissirx li tibgħat xi kartolina, iżda jfisser li int tagħmel minn kollox għal dik il-persuna, saħansitra tkun lest li titlef ħajtek.  Madre Tereża ta’ Calcutta tgħidilna li tħobb ifisser li tibqa’ toffri lilek innifsek sakemm tbati.  Iżda l-Vanġelu falz li qed tippriedka d-dinja huwa Vanġelu li jedifika l-egoiżmu tal-persuna umana, huwa indikazzjoni biex tikber inti u ċċekken lil ta’ madwarek.  Għalhekk, anki llum, is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu għadu skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.

Il-Kelma

     Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna pass importanti fl-istorja tal-Knisja meta jiġi kkonvertit u mgħammed l-ewwel wieħed li ma kienx Lhudi:  Kornelju.  San Pietru jgħid li Alla jilqa’ lil dawk kollha li għandhom il-biżà t’Alla, jiġifieri li jixtiequ jwettqu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħhom u jixtiequ jagħmlu s-sewwa.  Is-salvazzjoni ta’ Kristu hija miftuħa għal kulħadd.  Hekk itenni s-Salm 97 meta jgħid li l-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.  Fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann li ntennu fit-tieni qari tal-lum għandna lil San Ġwann jgħidilna li Alla huwa mħabba u l-għajn ta’ kull imħabba.  Din it-tema tiġi żviluppata fil-Vanġelu tal-lum meħud minn San Ġwann li jtenni li din l-imħabba dehret fil-persuna u l-ħidma ta’ Ġesu Kristu.

Il-Ħajja

  1. Alla huwa mħabba. Din l-imħabba tahielna bħala wirt. Nafu x’inhi l-imħabba?
  2. Kemm qed ngħixu l-imħabba vera mal-proxxmu tagħna fil-ħajja ta’ kuljum?
  3. Kemm inti lest biex tkompli tħobb?
  4. “Sejjaħtilkom ħbieb”, jgħid il-Mulej.  Tħoss li l-Mulej tassew huwa l-ħabib tiegħek?
  5. “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu f’imħabbti”. Hekk qal il-Mulej. Kemm qed nippruvaw ngħixu dan il-kmand?
  6. Jekk fl-imħabba ma jkunx hemm tbatija, din m’hi mħabba xejn. Ħares lejn Kristu Msallab.

Id-Djalogu

  Mulej, għallimni nħobb,

  u nagħraf imħabbtek kuljum għalija.