L-INDAFA MILL-ĠDIEM – Is-6 Ħadd Matul is-Sena B – 11 ta’ Frar 2024
Is-6 Ħadd Matul is-Sena
L-INDAFA MILL-ĠDIEM
Levitiku 13, 1-2, 45-46; Salm 31: 1-2.5.7.11; 1 Korintin 10, 31-11,1; Mark 1, 40-45
Il-Ħsieb
Min jista’ jgħid li ma għandux ġdiem? Min jista’ jgħid li huwa nadif? Min jista’ jgħid li ma għandux bżonn il-fejqan mill-feriti li nġarrbu kuljum? Ġesù jfejjaq, Ġesù jnaddaf mingħajr kundizzjoni għaliex irid iħobbna. Messaġġ sempliċi. Offerta kbira. Imma għaliex nibqgħu ma nifhmux li Ġesù jrid li l-bniedem ifiq u jqum fuq saqajh? Il-Mulej niżel fl-umanità biex jerfa’ fuqu l-mard ta’ l-istess umanità, imma kemm qed tkun rikonoxxenti ta’ dan, l-istess umanità? Kemm qed ngħidu GRAZZI bil-qalb lill-Mulej? Kemm tassew qed nagħrfu li mingħajr il-Mulej se nibqgħu mġiddmin?
Il-Kelma
Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Levitiku tissemma mill-ewwel il-marda tal-ġdiem li billi dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għaliha, kienet meqjusa bħala sinjal tad-dnub. Skond il-liġi ta’ MoseÏ l-imġiddem kien ikollu jgħix waħdu maqtugħ mis-soċjetà.
Salm 31 li ntennu fis-Salm Responsorjali hija karba lill-Mulej biex iħenn għalina u jaħfrilna dnubietna. Fit-tieni qari, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korinitn, hemm eżortazzjoni għalina lkoll biex nixbħu lil Kristu f’kollox. Huwa l-impenn tal-ħajja tagħna li għalih illum jeżortana San Pawl. Fil-Vanġelu għandna l-fejqan ta’ l-imġiddem u kif dan beda jxandar lill-Mulej ma’ kulħadd.
Il-Ħajja
- Qatt f’ħajtek aċċettajt ir-realtà li inti midneb?
- Kemm qatt tlabt b’sinċerita lill-Mulej inaddfek?
- Qatt għaraft il-ġdiem tiegħek fejn hu?
- Kemm tassew qed tirringrazzja lill-Mulej għall-fejqan u
kemm tassew qed tħabbru ma’ l-oħrajn?
Id-Djalogu
Mulej,
Grazzi tal-fejqn,
li tagħtini fil-Qrar,
Grazzi u għinni nkompli
nitnaddaf minn ħżuniti.