ERFA’ S-SALIB WARAJK – It-22 Ħadd matul is-sena A – 3 ta’ Settembru 2023

ERFA’ S-SALIB WARAJK – It-22 Ħadd matul is-sena A – 3 ta’ Settembru 2023

August 22, 2023
0
  1. It-22 Ħadd Matul is-Sena

ERFA’ S-SALIB WARAJK

Ġeremija 20:7-9; Salm 62;  Rumani 12-1-2; Mattew 16: 21-27

Il-Vanġelu

Minn dakinhar Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin  il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!” Mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’  l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.

Il-Ħsieb

Is-Salib kulħadd jibża’ minnu.  Kulħadd jaħarbu.  Huwa skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani.  Għalina jgħidu li huwa s-sinjal tar-rebħa.  Kif jista’ salib ikun ir-rebħa tiegħek?  Kif jista’ Ġesù msallab b’mod inġust juri r-rebħa fuq il-ħażen u jkun sinjal kontinwu għalina?  Fil-misteru tas-Salib tinsab ir-rebħa tagħna anki fuq id-dwejjaq u t-toqol tal-ħajja ta’ kuljum…  Dan id-diskors jidher bla sens sakemm wieħed ma jgħixux.  Xi kultant  kelli ċans li mmur inżur jew inqarben xi anzjan jew xi ħadd marid b’kanċer.  Tmur mingħalik se tikkonsla lil xi ħadd u toħroġ aktar ikkonslat inti meta l-persuna li tmur iżżur tkun tant aċċettat is-salib tagħha.  Sfortunatament aħna l-Maltin aktar nilħqu  salib xulxin milli ngħinu lil xulxin inġorru s-salib.  Is-Salib huwa l-qabża ta’ kwalità għan-nisrani.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, hu stqarrija ta’ Ġeremeija dwar il-missjoni tiegħu bħala profeta.  Ġeremija obda lil Alla u beda jxandar, iżda n-nies ma laqgħuhx.  Minkejja l-persekuzzjoni huwa baqa’ jxandar.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 62, hu għanja ta’ talba lil Alla – GĦALIK GĦATXANA RUĦI, Mulej Alla tiegħi.  It-Tieni  Qari tal-lum, meħud minn San Pawl lir-Rumani, itenni li fil-ħniena tiegħu Alla seħibna fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu Ġesù.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, bis-silta tal-lum, Ġesù juri xi kwalità ta’ Messija kien tabilħaqq.  Wera wkoll il-missjoni tas-segwaċi ta’ Kristu.

Il-Ħajja

1.  Fil-Ħajja tagħna rridu naċċettaw Messija wieħed – ĠESÙ KRISTU.

2.  Irridu naċċettaw kemm il-missjoni tiegħu kif ukoll dik li ta lilna.

3.  Jekk xi ħadd irid jimxi warajja… x’se tagħmel?  Qed terfa’ s-Salib tiegħek?

4.  Mingħajr sagrifċċju l-ħajja mhix sabiħa.

Id-Djalogu

Mulej, għinni naċċetta s-salib tiegħi

u nerfgħu bil-għajnuna tiegħek.

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.