TAFUNI? – Il-21 Ħadd matul is-sena – Sena A – 27 t’Awwissu 2023
Il-21 Ħadd Matul is-Sena
TAFUNI?
Isaija 22:19-23; Salm 137; Rumani 11,33-38; Mattew 16: 13-20
Il-Vanġelu
Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” Mbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija
Il-Ħsieb
Hija domanda li Ġesù jagħmel lill-Appostli, iżda li jagħmel lili u lilek ta’ spiss għax hija domanda li r-risposta tagħha hija kontinwament eżami tal-kuxjenza. Ir-risposta ma tistax tkun biss bil-kliem, akkademika, filosofika, iżda sempliċi, mill-fraġilità tal-ħajja tagħna.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb ta’ Isaija, għandna li waqt is-saltna tar-Re Eżekjel, tkeċċa Sebna li kien jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan u minflok jingħata l-imfietaħ tal-palazz Elijakin. Is-Salm Responsorjali minn Salm 137 huwa innu ta’ radd il-ħajr lill-Mulej għax it-tjieba tiegħu tibqa’ għal dejjem. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, għandna lil San Pawl li juri li minkejja d-dnubiet, Alla jibqa’ jfittex toroq ta’ salvazzjoni għall-bniedem u għalhekk San Pawl jinseġ innu ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna lil Ġesù jistaqsi lill-Appostli n-nies min jgħidu li Hu u wara jagħti s-setgħa lil Pietru li jmexxi l-Knisja.
Il-Ħajja
1. Min tgħid li huwa Ġesù għalik?
2. Kemm tħossok li inti ta’ ġewwa ma’ Ġesù?
3. Kristu jafda t-tmexxija tal-Knisja fuq il-fraġilità ta’ Pietru. Kuraġġ, huma x’inhuma d-diffikultajiet u d-difetti tiegħek, Kristu wkoll se jaħdem permezz tiegħek.
4. Dan huwa l-Ħadd tal-kuraġġ u ta’ l-impenn. X’se tagħmel għal Ġesù bil-ħajja tiegħek?
Id-Djalogu
Mulej, għinni nifhmek
u ngħixek aktar f’ħajti.