IL-FIDI TIEGĦEK… KBIRA? – 20 Ħadd matul is-sena A – 20 t’Awwissu 2023
L-20 Ħadd Matul is-Sena
IL-FIDI TIEGĦEK… KBIRA?
Isaija 56, 1, 6-7; Salm 66; Rumani 11,13-15, 29-32; Mattew 15: 21-28
Il-Vanġelu
Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!” Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna.” Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.” Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!” Hu weġibha: “M’hux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” “Hekk hu, Mulej,” qaltlu, “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom?” Mbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.
Il-Ħsieb
Il-mara Kangħanija hija ta eżempju għalina lkoll. Baqgħet tinsisti għall-fejqan ta’ bintha mhux biss għall-imħabba li l-omm għandha lejn bintha iżda minħabba l-fidi kbira tagħha f’Ġesù. U Ġesù faħħar il-fidi tagħha.
Il-Kelma
Meta l-Lhud irritornaw mill-eżilju tal-Babilonja u t-Tempju reġa sar iċ-ċentru tal-ħajja tan-nazzjon, kien hemm xi wħud li bdew jinsistu li l-barranin ma kellhomx dritt jipparteċipaw fil-ħajja tat-tempju. Is-silta tal-lum teħodna proprju kontra dawn u tgħid li l-barranin għandhom ukoll id-drit li jkunu membri tal-poplu t’Alla. Ma’ din is-silta mill-Ktieb ta’ Isaija, li nsibu fl-ewwel qari, imur ukoll is-Salm 66 li jingħad fis-Salm Responsorjali fejn naraw li huma l-popli KOLLHA li jfaħħru lil Alla.
San Pawl, fl-Ittra lir-Rumani, itenni li s-salvazzjoni tal-Pagani għandha twassal għas-salvazzjoni ta’ Israel. Fil-Vanġelu, Ġesù jfejjaq lil bint il-mara Kangħanija, maħkuma mix-xitan. Kristu jfaħħar il-fidi tagħha.
Il-Ħajja
1. Kemm tkellem lil Alla b’insistenza fit-talb tiegħek?
2. Kemm tassew tgħix ħajtek ibbażata fuq il-fidi tiegħek fi Kristu?
3. Kemm inti qed tagħraf li f’kull azzjoni tal-ħajja tiegħek hemm bżonn l-intervent ta’ Ġesù.
Id-Djalogu
Għinni, Mulej, kull ħin.