FEJN SEJJER?- L-erbatax-il Ħadd matul is-sena A – 9 ta’ Lulju 2023
L-14 Ħadd Matul is-Sena
FEJN SEJJER? QED JGĦIDLEK BIEX TMUR GĦANDU…
Żakkarija 9,9-10; Salm 144; Rumani 8, 9.11-13; Mattew 11,25-30
Il-Vanġelu
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.
“Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”
Il-Ħsieb
Fl-ewwel qari tal-lum għandna lil Żakkarija jeħodha kontra l-poplu Lhudi li wara l-eżilju kien qed jimmaġina xi ħaġa glorjuża… iżda Żakkarija jwiegħed li ġej Sultan Ġust li miegħu tasal il-ġustizzja. Kemm-il darba aħna wkoll għamilna bħall-poplu Lhudi. Min jaf x’immaġinajna li lest jagħmel magħna ħwejjeġ kbar u lanqas biss nindunaw.
Meta naqra l-Vanġelu tal-lum nifakar f’Santa Katerina ta’ Siena li għax intelqet f’idejn il-Mulej għamlet ħwejjeġ kbar u saħansitra l-Papa Pawlu VI għamilha Duttur tal-Knisja… u din kienet mara sempliċi u illitterata.
Il-Kelma
L-ewwel qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija fejn għandna l-poplu Lhudi li jirritorna mill-eżilju mingħajr setgħa politika. Huwa poplu sbandat iżda Żakkarija jwiegħed Sultan ġust u umli. Fis-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 144, għandna tifħir lill-Mulej li huwa ta’ qalb ħelwa u umli. It-tieni qari huwa meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani fejn għandna twissija ta’ l-Appostlu biex ngħixu fid-dawl tar-rieda t’Alla u mhux skond il-ġibdiet tal-ġisem. Fil-Vanġelu Ġesù jfaħħar lil min hu ta’ qalbu ċkejkna kif ukoll jistieden lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu biex imorru għandu.
Il-Ħajja
- Kemm tassew qed tafda ħajtek KOLLHA f’idejn Ġesù?
- Kemm għandek kuntatt miegħu?
- Kemm tassew qed tgħix mhux skond il-ġibdiet tal-ġisem? Kapaċi tikkontrolla lilek innifsek?
- Ġesù jfaħħar l-umiltà. Inti inkluż?
Id-Djalogu
Mulej, għallimni niġi għandek.