BEDA JXANDAR… BEDA JSEJJAĦ – It-3 Ħadd matul is-sena A – 26 ta’ Jannar 2020
It-3 Ħadd Matul is-Sena
BEDA JXANDAR… BEDA JSEJJAĦ
Isaija 9: 1-4, Salm 26; Korintin 1:10, 13-7; Mattew 4: 12-23
Il-Vanġelu
Il-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
‘Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art ‘il hem mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.’
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.”
Ġesù jsejjaħ erba’ sajjieda
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejjħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
Il-Ħsieb
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari tal-lum, is-silta meħuda mill-Ktieb tal-Profeta Isaija turi l-poplu Lhudi fl-aktar mumenti diffiċli u ta’ għajb għalih, meta nqasam f’żewġ partijiet: is-Saltna ta’ Ġuda u s-Saltna ta’ Israel. Propju f’dan it-tiġrib, Isaija jħabbar il-ħelsien taħt ix-xbieha ta’ dawl li se jiddi fid-dlamijiet. Fis-Salm Responsorjali għandna l-parteċipazzjoni tagħna fl-aċċettazzjoni ta’ Kristu bħala d-dawl u s-salvazzjoni tagħna. Fit-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, għandna stedina għall-unità fil-Knisja, unità li titlob li l-komunità tkun qalb waħda u ruħ waħda. Il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mattew, juri li l-profezija ta’ Isaija li smajna fl-Ewwel Qari seħħet tabilħaqq fi Kristu. Ġesù jippriedka l-indiema fil-qalb tal-bniedem li tbiddlu mid-dlam għad-dawl.
Il-Ħajja
- Illum għandna stedina ċara mingħand Kristu. Stedina mhux biss naċċettaw id-dawl li qed jagħtina hu, iżda wkoll biex inkunu xandara ta’ dan l-istess dawl. X’se nagħżlu?
- Biex nagħmlu din l-għażla rridu nkunu sinċieri magħna nfusna u nagħrfu tassew jekk naċċettawx li ngħixu fid-dlam jew fid-dawl tul ħajjitna kollha.
- Kemm se ndumu biex inwieġbu lill-Mulej? Għandna l-kuraġġ li wrew l-Appostli? Kapaċi nieħdu r-riskji tal-fidi tagħna ma’ Kristu?
- Kemm tassew bl-għemil tagħna qegħdin inkunu Appostli tad-dawl?
Id-Djalogu
Mulej Ġesù
għinni ngħidlek IVA
biex inkun miegħek ħabbâr tas-saltna.