Il-Preżentazzjoni tal-Mulej – Il-Ħadd 2 ta’ Frar 2020
2 ta’ Frar: Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej
IL-FESTA TAD-DAWL
Malakija 3,1-4; Salm 23; 7-10; Lhud 2; 14-18; Luqa 2; 22-40
Il-Vanġelu
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skond kelmtek,
għaliex għajnejja raw
is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.
Il-Ħsieb
Illum kollox sar jiddependi mid-dawl. Mhux id-dawl tax-xemgħa iżda l-elettriku. Jekk jinqata’ d-dawl ikollok sensazzjoni li l-ħajja tieqaf. Iżda għaliex spiritwalment il-bniedem jibda jippreferi d-dlam mid-dawl? Il-festa tal-lum, tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju, issir erbgħin jum wara l-festa tal-Milied. Hija l-festa li fiha nifakru f’dan ir-rigal kbir ta’ salvazzjoni li se jdawwal l-umanitaÏ kollha. Ir-riflessjoni tagħna lkoll waqt li nġorru x-xemgħa tal-Kandlora hija riflessjoni ta’ fidi, ta’ kemm għandna ngħożżu din il-fidi tagħna llum b’dan id-dawl li huwa Ġesù.
Il-Kelma
Ewwel Qari, meħud mill-Profeta Malakija, għandu bħala messaġġ prinċipali l-miġja ta’ messaġġier biex iwitti t-trejqa tal-Mulej. Is-Salm 23 li ntennu fis-Salm Responsorjali, huwa innu ta’ Radd il-Ħajr lill-Mulej, is-Sultan tal-Glorja. Dan id-dawl, li qed niċċelebraw illum – Kristu l-Mulej – fit-Tieni Qari tal-lum, insibu li Ġesù sar jixbah lil ħutu f’kollox minbarra d-dnub. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġużeppi u lil Marija jieħdu lil Ġesù fit-tempju meta ntemm żmien it-tisfija biex jiġi ppreżentat lill-Mulej.
Il-Ħajja
- Xmun u Anna, żewġ profeti, stennew lil Ġesù dieħel fit-tempju u raddew ħajr għal din il-grazzja li ġiet fuq l-umanitaÏ. Jien u int qatt għamilna hekk?
- Dawl biex idawwal il-ġnus. Kemm taħseb li qed nużaw lil Ġesù bħala d-dawl fl-għażliet tagħna?
- Jien dixxiplu tad-dawl u tat-tama jew strument li niżra’ disperazzjoni?
- Anna, il-profetessa, kienet taqdi lill-Mulej fit-tempju għal 84 sena b’talb u sawm. Jiena u int kif qed ngħożżu lil dan id-dawl Ġesù?
Id-Djalogu
O Ġesù,
tħalli qatt jintefa
minn ħajti d-dawl tiegħek.
biex dejjem inkun miegħek.