JOBGĦODUKOM MINĦABBA F’ISMI! – It-33 Ħadd matul is-sena Ċ – 17 ta’ Novembru 2019
It-33 Ħadd Matul is-Sena
JOBGĦODUKOM MINĦABBA F’ISMI!
Malakija 3:19-20a; Salm 97; 2 Tessalonkin 3, 7-12; Luqa 21:5-19
Il-Vanġelu
Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”
U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?” Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.” Mbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżheż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali ta’ l-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!
Il-Ħsieb
Ġesù jtenni li saħansitra dawk li nafdaw fihom iduru kontrina, dawk li qatt ma stennejna li se jeħduha kontrina. Għax kif inti ma tibqax taqdi l-kompromessi ta’ dawk ta’ madwarek li jkunu għasruk biżżejjed, għax ma jqisux il-valuri tal-persuni umani, jitfgħuk ’il barra u jwarrbuk. Ġesù għalhekk jisfidana biex nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. M’aħniex se nkunu waħedna f’din il-mixja ta’ fidi u mpenn fuq dak li għallimna huwa stess. Dan huwa Ħadd li jiftħilna għajnejna iżda fl-istess ħin jimliena kuraġġ meta nkunu mimlija niket minħabba dak li jkun qed jiġri madwarna u li ħafna drabi jkunu ġrajjiet li ma nistgħux nifhmu.
Il-Kelma
Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Malakija, għandna lill-Profeta jwissi lill-kburin u l-midinbin waqt li jqawwi l-qalb ta’ dawk li għandhom il-biża ta’ wlied għall-Isem ta’ Alla. Is-Salm 97 li ntennu fis-Salm Responsorjali huwa għanja ta’ tifħir lil Alla għax ġej biex jagħmel ħaqq bil-ġustizzja mill-popli tiegħu, ġustizzja li tkun fuq il-mod li aħna mxejna fid-dawl ta’ kliemu. It-Tieni Qari, meħud mit-tieni Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, jagħtina twissija tal-Mulej li s-salvazzjoni u l-istennija tat-tieni miġja tal-Mulej m tridx tkun fil-għażż u wkoll b’idejna fuq żaqqna. Hemm bżonn li naħdmu u nimpenjaw ruħna sew, fil-ħajja ta’ kuljum fejn trid toħroġ fil-beraħ il-fidi tagħna. Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna lil Ġesù li ma jwiegħedx suċċess iżda persekuzzjoni. Fl-istess ħin, iżda, Ġesù jwiegħed l-għajnuna tiegħu u li qatt m’hu se nkunu waħedna fl-isfida biex nibqgħu sħaħ sa l-aħħar fi kliemu.
Il-Ħajja
1. Il-Mulej qed jurina biċ-ċar illum xi tfisser tkun nisrani. Trid taħdem, ma tibżax mill-persekuzzjoni u żżomm għajnejk u widnejk miftuħa sew għal dak li jgħidlek hu fil-mumenti iebsa.
2. Ġesù jridna nibqgħu sħaħ sa l-aħħar. Kif? Billi nisimgħu l-messaġġ tal-Kelma tiegħu u nagħtuh il-ħajja fl-ambjent tagħna.
3. San Pawl itenni l-importanza tax-xogħol fl-istennija tal-Mulej. Il-post tax-xogħol u dmirijiet tagħna rridu nifhmuhom sew, għax huma parti mill-vokazzjoni u l-impenn nisrani ta’ kuljum.
4. F’dan il-Vanġelu tal-lum Ġesù jurina li fil-mumenti diffiċli, meta aħna nkunu qed nagħmlu għażliet għalih u nimxu fuq kliemu, l-ispirtu tiegħu se jdawlilna d-deċiżjonijiet u l-kliem li ngħidu.
5. Illum irridu nwiegħdu lil Ġesù li nimxu fuq kliemu mingħajr kompromessi.
Id-Djalogu
Mulej,
dawwal il-fehma tiegħi,
biex nifhem aktar
dak li trid minni
u għinni nħoss il-preżenza u d-dawl tiegħek
f’kull deċiżjoni li nieħu fil-ħajja
biex dejjem tkun fuq kliemek.