SULTAN QADDEJ – Festa ta’ Kristu Sultan – 24 ta’ Novembru 2019

SULTAN QADDEJ – Festa ta’ Kristu Sultan – 24 ta’ Novembru 2019

November 19, 2019
0

Festa ta’ Kristu Sultan

SULTAN QADDEJ

2 Samwel 5:1-3; Salm 121; Kolossin 1:12-20; Luqa 23:35-43

 

Il-Vanġelu

Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’,  int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Mbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”

Il-Ħsieb

Sultan Qaddej.  Din hija l-festa li qed niċċelebraw illum.  Il-festa li tradizzjonalment insejħulha l-festa ta’ Kristu Re.  Hija l-festa fejn ir-Re ġie fid-dinja biex isalvana u jkun is-salvatur tagħna.  Ilkoll kemm aħna llum irridu nirringrazzjaw lil Ġesù li wriena mhux bil-kliem biss iżda wkoll bil-ġrajjiet li jħobbna lkoll, li jħobb l-umanità kollha tant li daħal fl-istorja ta’ l-umanità tagħna.  Sultan li qiegħed għas-servizz tagħna u għalhekk fih sens akbar illum fl-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika li nħarsu lejn il-Mulej bħala dak li mhux huwa s-sultan tal-ħolqien kollu iżda li jsegwi bil-fidwa li kisbilna dan l-istess ħolqien.  Huwa messaġġ ta’ faraġ u kuraġġ għalina lkoll.  Messaġġ li permezz tiegħu nagħrfu li qatt fid-dinja ma aħna waħedna.  Biex wettaq din il-missjoni ta’ salvazzjoni Ġesù bata ħafna.  Bata l-umiljazzjoni.  Huwa, li kien Sultan ta’ l-Univers kollu, kien umiljat bl-akbar mod kif naraw anki fil-Vanġelu tal-lum.  U anki minn hawn irid joħroġ messaġġ qawwi għall-ħajja tagħna.  Aħna l-insara ġejna mifdijin bi prezz għoli, bid-demm ta’ l-istess ħallieq tagħna.  Huwa għalhekk li għandna responsabbiltà kbira li nuru lid-dinja ta’ madwarna l-qawwa ta’ din is-Saltna ta’ dan is-Sultan li huwa għas-servizz tagħna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Il-Kelma

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel fejn għandna lil David Sultan ta’ Ġuda jiġi midluk Sultan ta’ Israel kollu.  B’hekk iż-żewġ saltniet saru saltna waħda.  David huwa xbieha tal-Messija fuq il-ħolqien kollu.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 121, huwa għanja ta’ tifħir tal-poplu t’Alla fejn Kristu huwa s-Sultan.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra lill-Kolossin, San Pawl juri li l-Mulej huwa l-bidu u t-tmiem tas-salvazzjoni tagħna filwaqt li fit-tieni parti San Pawl jinseġ innu ta’ glorja u tifħir lil Ġesù.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa għandna silta mill-passjoni ta’ Ġesù, forsi wieħed mill-aktar mumenti ta’ umiljazzjoni fuq is-salib u l-konverżjoni tal-ħalliel mislub ma’ Ġesù. Ġie msejjaħ sultan għax feda l-umanità minn fuq is-salib.

Il-Ħajja

1.  Kemm tħoss fil-fond ta’ qalbek li llum għandek tgħid GRAZZI lil Kristu Sultan?

2.  Taf kemm kuljum dan is-sultan huwa għad-dispożizzjoni tiegħek?  Jirnexxilek tieqaf u tkellmu huwa li qed jistenniek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum?

3.  Kemm tassew nifhmu l-prezz iebes u għoli li dan is-Sultan ħallas għalina?

4.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum trid tkun ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr lil Ġesù għal dak li għamel u jibqa’ jagħmel għalina, minkejja li neħduh for granted fil-ħajja tagħna.

5.  Bix-xhieda tagħna f’din id-dinja aħna rridu nuru li niffurmaw parti minn din is-saltna li tagħha Ġesù huwa l-mexxej.  L-ID Card tagħna trid tkun ix-xhieda permezz tas-sagrifiċċju.

Id-Djalogu

Nadurawk, o Sultan tagħna,

għax b’salibek u l-mewt tiegħek

inti fdejtna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.